Minkejja li qed jiżdiedu l-pressjonijiet fuq l-ekonomija tal-UE, ir-rata tal-qgħad għadha baxxa f’livell rekord.

Skont statistika riċenti ppubblikata mill-Eurostat, minn Lulju 2021 il-qgħad kien fuq xejra ’l isfel u naqas b’0.9%. Matul l-istess perjodu, fiż-żona ewro naqas b’1.1% u b’0.4% f’Malta. F’Lulju 2022, ir-rata tal-qgħad fiż-żona tal-euro kienet ta’ 6.6% u dik fl-UE ta’ 6.0% rispettivament.

Minn din l-istatistika joħroġ li r-Repubblika Ċeka u l-Polonja kellhom l-inqas rati ta’ qgħad bi 2.3% u 2.6% rispettivament. Malta tinsab fit-tielet post tal-pajjiżi tal-UE, u l-ewwel fiż-żona ewro, b’rata ta’ qgħad ta’ 2.9%, daqs il-Ġermanja.

L-ogħla rati ta’ qgħad fl-UE ġew irrappurtati fi Spanja (12.6%), il-Greċja (11.4%) u Ċipru (8.0%). Ċipru huwa l-uniku Stat Membru tal-UE li fih il-qgħad żdied bejn Lulju 2021 u Lulju 2022.

F’termini ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ, Malta rrappurtat rata ta’ 9.8% – il-ħames l-inqas rata fl-UE, fejn il-medja kienet ta’ 14%. L-inqas rata kienet irrappurtata fil-Ġermanja (5.6%), u l-ogħla fil-Greċja (28.6%).