Xahar mill-ftuħ tal-iskejjel: It-tħassib fuq il-Covid-19 għadu hemm adminwp 12/11/2020 Xahar mill-ftuħ tal-iskejjel: It-tħassib fuq il-Covid-19 għadu hemm2020-11-12T16:48:23+01:00 Ħarġa 334 Storja Prinċipali No Comment Xahar wara l-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel li f’Marzu li għadda kellhom jingħalqu ħesrem minħabba l-pandemija, l-għalliema jinsabu mħassba li minkejja l-assikurazzjonijiet li ngħataw dwar il-miżuri ta’ prekawzjoni ewlenija fosthom il-kunċett tal-bubble – biex kemm jista’ jkun ma jkunx hemm taħlit bejn tfal u għalliema – ir-realtà hi differenti.“Bħala għalliema peripatetika li jfisser li jkolli nieħu post dawk l-għalliema li għal xi raġuni jkunu assenti, dan il-kunċett falla. Qed nifqa’ bubbles kuljum! Barra minn hekk it-tfal diffiċli li jżommu d-distanza soċjali l-ħin kollu,” għalliema fi skola primarja tal-Gvern qalet meta tkellmet ma’ Voice of the Workers Weekly.Ilmenti oħra li qed jaslu għand l-Unjin tal-Edukaturi Professjonali (UPE) huma dwar nuqqas ta’ ndafa u f’xi każi li l-għalliema qed ikollhom jidħlu għal spejjeż żejda biex jixtru sanitizers u maskri. Għalliema oħra din id-darba fi skola sekondarja tal-Gvern stqarret li ma kienux qed jingħataw biżżejjed sanitizers, maskri u wipes biex jiddisinfettaw wara kull lezzjoni.“Nikkalkula li qed nonfoq madwar €20 fil-ġimgħa. Ħaġa bħal din tkompli titfa’ l-melħ fuq il-ferita għax kulħadd jaf l-għalliema x’paga għandhom!” din l-edukatur qalet.L-użu tal-maskri bidel mhux ftit l-esperjenza tat-tagħlim. Filwaqt li din hi neċessarja biex jitnaqqas ir-riskju qed taffettwa mhux ftit il-komunikazzjoni bejn l-għalliema u l-istudenti. Dan għaliex hi iktar diffiċli biex tipproġetta l-vuċi speċjalment biex tfiehem studenti barranin, li jiddependu wkoll fuq lip reading. Minn dan l-aspett it-tagħlim online joffri vantaġġ.Kif mistenni f’ċertu skejjel mill-bidu nett bdew ifeġġu l-każi pożittivi. L-ikbar tħassib li esprimew l-għalliema li tkellimna magħhom kien il-mod li bih qed tkun komunikata l-aħbar mill-iskejjel stess.“Ħafna drabi mhux qed ikunu mgħarrfa l-għalliema kollha, iżda dawk biss li kienu fil-bubble, Barra minn hekk mhux l-ewwel darba li l-aħbar ma tingħatax dakinhar stess imma l-għada. Xi drabi ikun grazzi għall-mezzi tax-xandir li nsiru nafu jew mill-aġġornamenti li jingħataw mill-UPE,” għalliema fi skola sekondarja qalet.Esprimiet tħassib ukoll li f’xi mumenti protokolli essenzjali bħal ma huma l-użu tal-maskri l-ħin kollu u d-distanza soċjali mhux qed jinżammu. Tqajmu wkoll mistoqsijiet dwar dik li tidher li hi prassi li qed tiġi applikata f’ċertu ċirkostanzi li permezz tagħha sakemm ma tkunx għamilt sagħtejn fil-preżenza ta’ xi ħadd pożittiv ma tkunx allertat. Dan ifisser li jekk qed tiġi applikata din il-prassi fis-sekondarja l-ebda għalliem ma se jkun allertat għax l-ebda student ma jagħmel sagħtejn fil-preżenza tal-istess edukatur.Mistoqsijiet oħra li saru huma dwar id-deċiżjoni ta’ persuni li jkunu fi kwarantina iżda jirritornaw lura l-iskola qabel 14-il ġurnata wara li jkollhom riżultat negattiv. Jista’ jkun li l-virus ikun għadu fl-incubation period u joħroġ wara?Sadattant ix-xogħol tal-għalliema, anki wara l-ħin tal-iskola żdied bil-bosta għax qed ikollhom jaddattaw il-lezzjonijiet biex ikunu disponibbli fuq l-internet.Fl-isfond ta’ dan kollu xi għalliema li tkellimna magħhom qed jistaqsu jekk wasalx iż-żmien li jkun kunsidrat l-għeluq tal-iskejjel fl-eqqel tal-influwenza.“Għalina l-għalliema dan ikun ifisser ħafna xogħol, imma fl-aħħar mill-aħħar din tkun l-aħjar għażla biex jitnaqqas il-periklu għas-saħħa tal-edukaturi li huma front liners ukoll,” għalliema tal-primarja qalet.Sadattant il-Gvern ħabbar li se jibda l-klassijiet virtwali għal dawk l-istudenti li mhux qed jattendu l-iskola għax huma medikament vulnerabbli. Filwaqt li dan hu pass pożittiv, l-UPE qed tinsisti li dan is-servizz għandu jkun miftuħ ukoll għal dawk l-istudenti li fiċ-ċirkostanzi preżenti mhux qed iħossuhom komdi jattendu l-iskola.