Il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) huwa l-programm ta’ finanzjament tal-Unjoni Ewropea għall-perjodu 2014-2020 li jippromwovi l-immaniġġjar effiċjenti tal-flussi ta’ migrazzjoni lejn l-UE kif ukoll isaħħaħ u jiżviluppa strateġija komuni għall-ażil u l-immigrazzjoni fost l-Istati Membri.

Taħt dan il-programm bħalissa hawn miftuħa sejħa għal proposti rigward azzjonijiet transnazzjonali. Din l-inizjattiva tindirizza sitt temi differenti li jkopru diversi aspetti tal-integrazzjoni, inkluż l-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ integrazzjoni lokali, l-appoġġ għall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, it-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ policies ta’ integrazzjoni, il-promozzjoni tal-aċċess għal servizzi bażiċi u l-appoġġ għall-immigranti tfal.

Il-proġetti kollha sottomessi taħt din is-sejħa għandhom ikunu transnazzjonali, jiġifieri għandhom jinvolvu organizzazzjonijiet parteċipanti minn Stati Membri differenti.

Korpi pubbliċi u entitajiet privati ​​li ma jagħmlux profitt jistgħu japplikaw għas-suġġetti kollha kemm bħala applikanti ewlenin jew flimkien filwaqt li organizzazzjonijiet li jagħmlu profitt u internazzjonali huma eliġibbli biss biex japplikaw bħala applikanti ewlenin bl-eċċezzjoni ta’ xi suġġetti.

Hemm kriterji li jvarjaw għan-numru minimu ta’ organizzazzjonijiet parteċipanti għal kull suġġett. Barra minn hekk, il-kontribuzzjoni minima u massima mitluba mill-UE tvarja wkoll skont is-suġġett.

Is-sejħa tagħlaq  fis-16 ta’ Frar, 2021. Għal aktar informazzjoni dwar l-AMIF jew kwalunkwe programm ieħor ta’ finanzjament ikkuntattja lill-MEUSAC fuq 2200 3300 jew info.meusac@gov.mt.