Id-deċiżjoni biex fi żmien il-Milied in-nies ikunu mħajjra jmorru l-Belt biex tingħata spinta lin-negozju fl-ewwel tal-agħar pandemija f’seklu hija tal-iskantament, illoġika u bla rispett ta’ xejn.  Il-vittmi tal-COVID-19 f’Malta issa qabżu l-100, bil-każijiet attivi jaqbżu l-2,000. Sadanittant, qed tixgħel bozza ħamra fis-sistema tas-saħħa pubblika għax jekk in-numri jkomplu telgħin hemm riskju li din tikkrolla.

Minkejja dan, il-gvern ħass li kien f’waqtu li jħajjar lill-familji jmorru l-Belt billi joffri parkeġġ b’xejn fil-festi pubbliċi biex “jippromwovi l-ispirtu tal-Milied” f’dak li s-soltu kien ikun l-aqwa żmien tas-sena għall-kummerċ. Kien dan il-ħsieb wara programm ta’ attivitajiet ta’ Christmas in the City li skont l-organizzaturi huma “avvenimenti żgħar” madwar il-kapitali bħall-korijiet u wirjiet artistiċi.

Iffaċċjat minn kritika ħarxa inkluż minn esperti mediċi, il-Gvern insista li dawn l-avvenimenti kollha se jsiru f’konformità mal-protokolli tas-saħħa inkluż id-distanza soċjali. Tali assigurazzjoni, madankollu, ftit li xejn toffri serħan il-moħħ. Biex niftiehmu, hi daqs li kieku xi ħadd joffri garanzija li fil-50 sena li ġejjin  lejliet il-Milied se jagħmel is-silġ f’Malta! Għal xi wħud, id-deċiżjoni tal-Gvern li jorganizza dawn l-attivitajiet inftiehem bħala messaġġ biex kulħadd jiċċelebra daqs li kieku m’hawnx pandemija.

Dan l-atteġjament iqajjem ċertu mistoqsijiet. X’inhuma l-prijoritajiet tal-Gvern? Li l-ekonomija tibqa’ għaddeja anki akkost li titpoġġa ħajjet in-nies f’riskju?

Il-miżuri li ttieħdu s’issa biex jagħtu spinta lin-negozji bħall-iskema tal-vawċers irnexxew iżda li tieħu sogri kbar bis-saħħa pubblika m’għandha tgħaddi minn moħħ ħadd.

Jidher ċar li l-Gvern ma tgħallem xejn mill-esperjenza tas-sajf li għadd meta ddikjara r-rebħa fil-gwerra kontra Covid-19, biex wara ftit ġimgħat spiċċa mar lura għal sitwazzjoni ferm agħar minn qatt qabel.

Filwaqt li sal-lum dawk li kienu qed jappellaw lil Gvern biex jagħti kumpens lil hekk imsejħa front liners baqgħu b’xiber imnieħer, ikun att irresponsabbli li l-Gvern stess ikun kompliċi biex ikompli jinxtered il-virus.

Żmien il-Milied hu wieħed ta’ ġenerożità u solidarjetà. L-akbar premju li bħala ċittadini nistgħu nagħtu fiċ-ċirkostanzi preżenti hu li nuru r-rispett dovut lill-ħaddiema fis-servizz tas-saħħa billi nevitaw li nesponuhom għal riskji bla bżonn.

Id-deċiżjoni li jiġi organizzat dan l-avveniment hi saħansitra aktar mgħaġġla meta wieħed jikkunsidra li l-vaċċin probabbilment jinsab qrib.

Il-MPE u l-eks Prim Ministru Alfred Sant dan l-aħħar wissa biex il-miżuri ta’ prekawzjoni tal-COVID-19 ma nkunux illaxkati. “Dejjem kont tal-fehma li għal min jinsab fi gvern demokratiku, aħjar jitlef il-voti u anke elezzjoni, milli jitlef il-ħajjiet ta’ ċittadini li setgħu jkunu salvati,” kien il-messaġġ ċar tiegħu. Il-Gvern għandu jagħti kas il-parir ta’ Sant.