Kull sena fl-Unjoni Ewropea, ikun hemm aktar minn 100,000 każ ta’ kanċer  fost ħaddiema esposti lejn ċertu sustanzi li jwasslu għal din il-marda (karċinoġeni). Hu stmat li kull sena dan iwassal għall-mewt ta’ 80,000 ħaddiem.

Jirriżulta li n-numru ta’ dawn il-każi fl-UE hu wieħed għoli u allarmanti. Dan wassal biex il-Kummissjoni Ewoprea f’Settembru li għadda ħarġet bi proposta biex ikun hemm reviżjoni fid-Direttiva dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għall-karċinoġeni jew mutaġeni fil-post tax-xogħol. Dan bl-iskop li kemm jista’ jkun jitnaqqas ir-riskju assoċjat ma’ dawn is-sustanzi.

Ladarba din ir-reviżjoni tkun approvata, hu mistenni li aktar minn 1.1 miljun ħaddiem fl-UE f’qasam wiesgħa tal-ekonomija jgawdu minn protezzjoni akbar.

Il-proposta hi kkunsidrata bħala l-ewwel inizjattiva tal-Kummissjoni fil-pjan tagħha tal-ġlieda kontra l-kanċer. S’issa, din id-Direttiva indirizzat l-espożizzjoni ikkawżata minn 26 sustanza.

L-introduzzjoni ta’ limiti iktar iebsa jew oħrajn totalment ġodda fil-każ ta’ tliet sustanzi (acrylonitrile, nickel compounds u benzene) se tkun ta’ benefiċċju ċar għall-ħaddiema. Dan se jwassal għal prekawzjonijiet kontra każijiet ta’ kanċer u mard ieħor serju mill-post tax-xogħol b’riżultat li titjieb is-saħħa u l-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema.  

L-emendi proposti se jwasslu wkoll biex ikun hemm titjib f’diversi industriji billi se jintaqqsu l-ispejjeż relatati ma’ mard u l-kanċer, fosthom ħaddiema li ma jistgħux jirrapurtaw għax-xogħol u spejjeż ta’ assikurazzjoni.