F’Marzu li għadda meta feġġew l-ewwel każi ta’ coronavirus il-Gvern kien pront għamel sforz qawwi biex kemm jista’ jkun kulħadd jaħdem mid-dar (telework jew remote working) biex titrażżan l-imxija.

Sa dak iż-żmien it-telework kien meqjus bħala xi ħaġa ristretta għal ftit nies, speċjalment ġenituri ta’ tfal żgħar. Filwaqt li fis-settur pubbliku din il-faċilità kienet daħlet mhux ħażin f’ċertu entitajiet, fis-settur privat kienet limitata ferm. Fl-isfond ta’ dan kollu l-Gvern kien ħareġ skemi biex intrapriżi privati jingħataw għajnuna finanzjarja bħala parti minn sforz biex iħajru l-ħaddiema jużaw is-sistema tat-telework. Dawn kienu jinkludu rifużjoni sa €500 għal kull ħaddiem, biex jittaffew l-ispejjeż biex ikun installat l-apparat meħtieġ.

L-inizjattiva sabet appoġġ qawwi mhux biss mill-unjins iżda mill-kumplament tal-imsieħba soċjali. Apparti li jgħin biex ikun hemm  bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja it-telework joffri vantaġġi oħra fosthom it-tnaqqis mit-traffiku. F’Marzu li għadda l-emissjonijiet tossiċi kienu naqsu b’70 fil-mija.

Kif kienet qalet il-UĦM f’April li għadda, din kienet opportunità tad-deheb biex ġaladarba kien hemm il-qafas lest, dan l-arranġament temporanju kellu jitkompla fuq bażi permanenti għax minnu kien qed igawdi kulħadd.

Madankollu, hekk kif l-ewwel mewġa għaddiet il-Gvern bidel id-direzzjoni kompletament tant li dan l-inċentiv twarrab probabbilment biex tingħata l-impressjoni li kollox mar lura għan-normal.

Konxja minn dan il-fatt, kif ukoll xprunata mis-sentiment qawwi li nħass fost il-membri tagħha li qed jiġu mċaħħda mit-telework mingħajr raġuni valida, il-UĦM Voice of the Workers kompliet tagħmel pressjoni u kien għalhekk li għamlet il-proposti tagħha għall-Budget 2021.  Dan sar biex il-Gvern jiddiskuti mal-imsieħba soċjali skemi ta’ telework fuq bażi permanenti. Skemi li għandhom jikkunsidraw ċirkostanzi individwali fosthom il-bżonn ta’ childcare u faċilitajiet teknoloġiċi.

Il-UĦM insistiet ukoll li jekk ħaddiem jingħata t-telework, m’għandu jsir l-ebda tnaqqis ta’ allowances. L-esperjenza wriet li l-produttività bit-telework tiżdied u mhux tonqos.

Sfortunatament,  il-proposti tal-UĦM waqgħu fuq widnejn torox għax fil-Budget ftit li xejn smajna dwar it-telework u x’se jkun qed jiġri fix-xhur li ġejjin. F’diskors ta’ 106 paġni kien hemm riferenza waħda biss li tgħid li l-iskema tat-telework f’Għawdex għandha tkun estiża. Il-bqija f’dak li għandu x’jaqsam ma’ inċentivi ma hemm assolutament xejn.

Dan in-nuqqas jispikka fl-isfond tal-fatt li s-sitwazzjoni llum hi ferm iktar allarmanti minn qatt qabel, bin-numru tal-vittmi qabżu t-80 u l-każi attivi madwar 2,000. Ironikament, xi minn daqqiet saret iktar diffiċli li din il-faċilità tkun offruta lill-ħaddiema!

Jekk inżommu f’moħħna li remote working se jkun in-norma tal-futur fid-dinja tax-xogħol; jekk inżommu f’moħħna li s-sistema tas-saħħa hija perikolata u tista’ tikkrolla jekk il-każijiet jibqgħu jiżdiedu; allura remote working hu s-soluzzjoni li jista’ jgħinna nimxu ’l quddiem, f’dawk li nittamaw huma l-aħħar xhur tal-pandemija. Jalla s-sens komun jirbaħ.