Waqqfu l-kummerċ illegali tal-qtates u l-klieb
Sabiex il-ħarsien tal-annimali, is-sidien tal-annimali domestiċi u s-saħħa pubblika jkunu protetti, l-Ewro Parlamentari talbu biex ikun hemm Pjan ta’ Azzjoni Ewropea biex jintemm il-kummerċ illegali ta’ annimali domestiċi.
B’607 voti favur, tlieta kontra u 19-il astensjoni, l-Ewro Parlamentari addottaw resoluzzjoni li ma torbotx fejn titlob għal azzjoni kontra l-kummerċ illegali ta’ annimali domestiċi li joħloq tbatija lill-istess annimali, ixerred il-mard, u jiġġenera dħul kbir għall-kriminalità internazzjonali organizzata.
L-Ewro Parlamentari qed isejħu għal miżuri, bħal:
- Sistema mandatorja Ewropea biex tirreġistra l-qtates u l-klieb;
- Definizzjoni Ewropea dwar faċilitajiet ta’ tgħammir kummerċjali fuq skala kbira, magħrufin bħala puppy mills;
- Tisħiħ tal-infurzar tal-liġi u sanzjonijiet iżjed ħorox, u
- Inkoraġġiment lin-nies biex jaddottaw, milli jixtru l-annimali domestiċi.
Madwar 46,000 kelb jinbiegħu bejn pajjiż Ewropew u ieħor kull xahar, il-maġġoranza tagħhom mingħajr ma jkunu reġistrati. Breeders kummerċjali qed jabbużaw mil-leġislazzjoni Ewropea tal-moviment tal-annimali domestiċi (Regolament (EU) Numru 576/2013), intenzjonata għall-moviment mhux kummerċjali ta’ annimali domestiċi, eżempju, dawk l-annimali li jivvjaġġaw mas-sidien tagħhom.