Il-ġenerazzjoni ta’ skart muniċipali f’Malta niżlet għall-ewwel darba f’ħames snin wara li kien irreġistrat tnaqqis ta’ 4.4% fl-2021 meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Għalkemm it-tnaqqis huwa marġinali, xorta hu żvilupp sinifikanti li jista’ jiġi attribwit għal kuxjenza ambjentali ogħla.

Ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li fl-2021 il-volum ta’ skart muniċipali ġġenerat (jiġifieri mid-djar u skart simili minn negozji u istituzzjonijiet) kien jammonta għal 316,603 tunnellata li jimmarka tnaqqis ta’ 14,539 fuq l-2020 u l-inqas ammont mill-2017. F’termini assoluti, it-tnaqqis ewlieni kien irreġistrat għal skart goff (11,539 tunnellata), skart organiku minn kċejjen (3,303 tunnellata), u ippakkjar imħallat (1,111 tunnellata). Dan it-tnaqqis għamel xi ftit tajjeb għal żidiet f’kategoriji oħra ta’ skart, l-aktar skart muniċipali imħallat li ammonta għal 1,916 tunnellata.

Inqas skart ras għal ras

Analiżi aktar profonda turi li fl-2021 kull abitant tal-Gżejjer Maltin iġġenera 608 kilo skart muniċipali biċ-ċifra tinżel għal 590 kilo meta tinklużi t-turisti. Fiż-żewġ każijiet il-livell h inqas minn dak tal-2020 bit-tnaqqis ikun ta’ 5.3% u 6.3% rispettivament. Għalkemm il-biċċa l-kbira tal-iskart muniċipali xorta jispiċċa fil-miżbla tal-Magħtab, kien hemm xi progress fl-2021 hekk kif dan niżel minn 88.3% għal 82.9% tat-total. Matul dan il-perjodu l-ammont ta’ skart muniċipali trattat żdied b’14,712-il tunnellata sa 324,571 tunnellata.

Inqas skart imur fil-Magħtab

F’termini assoluti, l-iskart muniċipali mormi fil-miżbla tal-Magħtab naqas b’4,562 tunnellata bil-kontributuri ewlenin għal dan it-tnaqqis ikunu skart muniċipali imħallat (21,072 tunnellata), skart goff (10,194 tunnellata) u skart tal-injam (4,838 tunnellata). B’kuntrast, l-iskart li jibqa’ wara li dan ikun trattat mekkanikament żdied bi 33,716-il tunnellata.

Madwar terz tal-iskart muniċipali ta’ Malta nġabar fil-boroż suwed permezz tas-servizz tal-ġbir mid-djar operat mill-kunsilli lokali. Dan ikkontribwixxa għal 109,589 kilo skart li kien 9,000 tunnellata inqas milli fl-2020. Skart ieħor li kien jinkludi materjali perikolużi ammonta għal 78,476 tunnellata li kien tnaqqis annwali ta’ 9,000 tunnellata. Min-naħa l-oħra, l-iskart minn boroż suwed miġbura permezz ta’ mezzi oħra mhux speċifikati żdied bi 11,000 tunnellata filwaqt li skart organiku niżel bi 3,000 tunnellata għal 23,288.

Aktar skart riċiklat

Meta mqabbel mal-2020, l-iskart muniċipali riċiklat żdied b’6,572 tunnellata jew 18.2% laħaq total ta’ 42,627 tunnellata. L-iktar li kienu riċiklati kienu l-karta u l-kartun b’51.3% mit-total ta’ skart riċiklat. L-aktar żidiet sinifikanti fir-riċiklaġġ ġew reġistrati fil-metalli (68%), ħwejjeġ/tessuti (55.4%) u plastik (52.5%). Min-naħa l-oħra, ir-riċiklaġġ tal-ħġieġ u l-iskart mill-kċejjen u  l-postijiet tal-ikel (canteens) naqas b’7.7% u 3.6% rispettivament. Fl-2021, l-ammont ta’ skart muniċipali li minn ġiet prodotta l-enerġija kien ta’ 12,742 tunnellata.