Il-Parlament u l-Kunsill laħqu ftehim proviżorju biex jirrevedu r-regoli tal-UE dwar il-batteriji u jqisu l-iżviluppi teknoloġiċi u l-isfidi futuri. Ir-regoli se jkopru ċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-batterija, mid-disinn sat-tmiem tal-ħajja u japplikaw għat-tipi kollha ta’ batteriji mibjugħa fl-UE: batteriji portabbli, batteriji SLI (li jipprovdu enerġija għall-istartjar, l-elettriku jew biex tibda l-makna tal-vetturi), batteriji tal-mezzi tat-trasport (LMT), batteriji tal-vetturi elettriċi (EV) u batteriji industrijali.

Tneħħija u bdil ta’ batteriji

In-negozjaturi qablu dwar rekwiżiti aktar b’saħħithom biex il-batteriji jsiru aktar sostenibbli, effikaċi u jservu iktar. Skont il-ftehim, dikjarazzjoni u tikketta tal-marka tal-karbonju se jkunu obbligatorji għal batteriji EV, batteriji LMT u batteriji industrijali rikarikabbli b’kapaċità ’l fuq minn 2kWh.

Tliet snin u nofs wara d-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni, batteriji portabbli fl-appliances għandhom ikunu ddisinjati sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu faċilment ineħħuhom u jibdluhom huma stess.

Biex jinfurmaw aħjar lill-konsumaturi, il-batteriji se jkollhom tikketti u kodiċi QR b’informazzjoni relatata mal-kapaċità, il-prestazzjoni, id-durabilità, il-kompożizzjoni kimika tagħhom, kif ukoll is-simbolu ta’ “ġbir separat”. Batteriji LMT, batteriji industrijali b’kapaċità ’l fuq minn 2kWh u batteriji EV se jkunu meħtieġa wkoll li jkollhom “passaport tal-batterija diġitali” inkluż informazzjoni dwar il-mudell tal-batterija kif ukoll informazzjoni speċifika għall-batterija individwali u l-użu tagħha.

Miżuri oħra

Skont il-ftehim, l-operaturi ekonomiċi kollha li jqiegħdu l-batteriji fis-suq tal-UE, ħlief għall-SMEs, se jkunu meħtieġa jiżviluppaw u jimplimentaw l-hekk imsejħa “politika ta’ diliġenza dovuta”, konsistenti mal-istandards internazzjonali, biex jindirizzaw ir-riskji soċjali u ambjentali marbuta ma’ dan.

Miżuri oħra previsti mir-regolament:

  • Il-miri tal-ġbir huma stabbiliti għal 45% sal-2023, 63% sal-2027 u 73% sal-2030 għal batteriji portabbli, u għal 51% sal-2028 u 61% sal-2031 għal batteriji LMT;
  • Livelli minimi ta’ kobalt rkuprat (16%), ċomb (85%), litju (6%) u nikil (6%) mill-iskart tal-manifattura u tal-konsumatur għandhom jerġgħu jintużaw f’batteriji ġodda;
  • L-iskart kollu tal-batteriji LMT, EV, SLI u industrijali għandu jinġabar, mingħajr ħlas għall-utenti finali, irrispettivament min-natura, kompożizzjoni kimika, kundizzjoni, marka jew oriġini tagħhom;
  • Sal-31 ta’ Diċembru 2030, il-Kummissjoni se tiddeċiedi  jekk tneħħix gradwalment l-użu ta’ batteriji portabbli mhux rikarikabbli ta’ użu ġenerali.

Il-passi li jmiss

Il-Parlament u l-Kunsill se jkollhom japprovaw formalment il-ftehim qabel ma jkun jista’ jidħol fis-seħħ. F’Diċembru 2020, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal regolament dwar batteriji u skart ta’ batteriji. Il-proposta għandha l-għan li ssaħħaħ il-funzjonament tas-suq intern, tippromwovi ekonomija ċirkolari u tnaqqas l-impatt ambjentali u soċjali fl-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tal-batteriji. L-inizjattiva hija marbuta mill-qrib mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekonomija Ċirkolari u l-Istrateġija Industrijali Ġdida.