F’dan iż-żmien tas-sena fil-postijiet tax-xogħol isiru festini u avvenimenti soċjali fejn l-impjegati jiltaqgħu biex jiċċelebraw it-tmiem ta’ sena oħra u jieħdu pjaċir flimkien. Barra minn hekk, din hija opportunità tajba għal min iħaddem biex jippremja lil dawkl li jaħdmu qatigħ matul is-sena.

Il-UHM Voice of the Workers mhijiex eċċezzjoni u tistinka biex tħaddan inizjattivi bħal dawn għall-istaff tagħha kif ukoll lil hinn. Fil-fatt wara waqfa ta’ sentejn minħabba r-restrizzjonijiet tal-Covid-19, id-delegati u r-rappreżentanti u d-delegati tal-union ġew mistiedna għal festin tal-Milied fl-Istitut Kattoliku. Dan sar bħala rikonoxximent għall-isforzi tagħhom biex iżommu l-union ħajja u jagħtu daqqa ta’ t’id fil-postijiet tax-xogħol rispettivi tagħhom, peress li huma l-għeruq. Kieku ma kienx għall-eluf ta’ membri u voluntiera tagħha, il-UHM ma tkunx tista’ ġġib bidla u kundizzjonijiet aħjar għall-impjieg.

Bis-saħħa ta’ dan l-isforz kollettiv fl-2022 il-UHM inawgurat il-bini l-ġdid tagħha filwaqt li baqgħet iffukata fuq ix-xogħol ewlieni tagħha. Tmiem din is-sena kien kkaratterizzat mill-ewwel ftehim kollettiv li qatt kien hemm għall-professjonisti legali fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u minn ftehim kollettiv ġdid għall-mijiet ta’ impjegati fil-Malta Freeport li huwa element kruċjali fl-ekonomija ta’ Malta.

In-negozjar kollettiv huwa għodda importanti biex jiġu mħarsa u mtejba l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Kuntrarjament għall-impressjoni mogħtija minn xi wħud li jippruvaw ipinġu l-unjins bħala interessati biss fi kwistjonijiet settorjali, il-unions jistgħu iwasslu wkoll għal benefiċċji għal dawk li mhumiex membri peress li dawn tal-aħħar xorta jistgħu jibbenefikaw minn pagi aħjar. Min naħa l-oħra, fejn l-unjins u n-negozjar kollettiv huma dgħajfa, min iħaddem u l-alleati tagħhom ikollhom aktar suċċess biex jimbuttaw politiki u leġiżlazzjoni li jistgħu ma jkunux fl-interess tal-ħaddiema.

Huwa għalhekk li l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Paga Minima Adegwata se tkun kruċjali peress li wieħed mill-għanijiet tagħha huwa li jagħti spinta lid-djalogu soċjali speċjalment f’dawk il-pajjiżi fejn id-densità tat-trejdjunjins (sħubija) mhix daqshekk għolja. Din id-direttiva tisħaq li wieħed mill-għanijiet hu li jiżdied in-numru ta’ ħaddiema koperti minn negozjar kollettiv. Biex jintlaħaq dan l-għan, il-pajjiżi għandhom jippromwovu lill-imsieħba soċjali biex jidħlu fin-negozjar kollettiv. L-Istati Membri fejn inqas minn  80% huma koperti minn ftehim kollettiv għandhom jistabbilixxu pjan ta’ azzjoni biex jippromwovu n-negozjar kollettiv. Dan il-pjan għandu jistabbilixxi skeda ta’ żmien ċara u miżuri speċifiċi biex tiżdied b’mod progressiv ir-rata ta’ kopertura tan-negozjar kollettiv. Il-UHM tħares ’il quddiem lejn l-2023 sabiex tibda taħdem fuq dan il-pjan ambizzjuż u meħtieġ. Madankollu, dan xorta waħda jiddependi fuq l-istaff, ir-rappreżentanti u l-membri dedikati tagħna.