Qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013 Joseph Muscat kien spiss jirrimarka li l-korruzzjoni hija taxxa soċjalment inġusta li tinġabar mingħand kulħadd bla ebda distinzjoni . Fil-każ tal-ftehim tal-isptarijiet, il-poplu Malti nsteraq aktar minn €268 miljun, possibbilment qrib l-€400 miljun.

L-aħħar parti ta’ din is-saga, fil-forma tat-tielet rapport mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, hija eżempju ieħor tal-livelli fqar ta’ governanza (u hawn qed inkunu kemm jista’ jkun kawti fl-evalwazzjoni tagħna) li ħakmet lil dan il-pajjiż fl-aħħar għaxar snin. Xi wħud jistgħu saħansitra jargumentaw li dan kien każ ta’ korruzzjoni istituzzjonalizzata li biha l-Istat jiffaċilita u jgħin biex isiru l-irregolaritajiet.

Għalkemm il-korruzzjoni kienet problema anki qabel ma l-Labour ħa l-poter fl-2013, is-sensiela ta’ skandli li seħħew taħt l-amministrazzjoni Laburista, speċjalment fi żmien Joseph Muscat, issuperaw kull ħaġa li konna rajna qabel. Il-kumpaniji sigrieti tal-Panama, it-tender tal-Electrogas u r-rabtiet ma’ 17 Black, il-wind farm tal-Montenegro, il-ftehim frawdolenti tal-isptarijiet u ċ-ċirkostanzi li wasslu għall-qtil brutali ta’ Daphne Caruana Galizia kollha seħħew fi żmien ftit snin. F’kull wieħed minn dawn l-iskandli, f’xi ħin jew ieħor ħarġu ismijiet ta’ membri prominenti tal-partit fil-gvern u dawk fiċ-ċrieki tal-poter. Filwaqt li dawk barra miċ-ċrieki politiċi tressqu quddiem il-ġustizzja, mhux l-istess jista’ jingħad għall-bqija.

L-aħħar żviluppi qajmu mistoqsijiet serji li Dr Muscat irċieva ħlasijiet ta’ għexieren ta’ eluf mingħand Steward Health Care, il-konċessjonarju tal-isptarijiet. Dan ġara biss xhur wara li irriżenja minn Prim Ministru. Filwaqt li mhux se nidħlu fil-merti jekk dan kienx każ ta’ tixħim jew le, anke jekk dan il-ħlas ingħata għal xogħol ta’ konsulenza, xorta jmur kontra l-politika tar-revolving doors. Ħafna drabi, impjegati tal-gvern li jaqilgħu paga modesta, ikunu ipprojbiti milli jagħmlu xogħol part-time fil-linja ta’ speċjalizzazzjoni tagħhom, minħabba l-biża’ li dan jista’ joħloq kunflitt ta’ interess. Madankollu, jidher li dawn il-kriterji stretti ma japplikawx għal kulħadd.

Tmexxija soda titlob deċiżjonijiet kuraġġużi, li żżomm sod, u li tikkundanna bla tlaqliq dak li huwa manifestament ħażin. Li tipprova tibqa’ gallarija il-ħin kollu, li tipponta subgħajk lejn il-predeċessur tiegħek u tagħmel minn kollox biex tidher li qed iżżomm ’il bogħod mingħajr ma tkisser ir-rabtiet, huwa sinjal ta’ dgħjufija. Barra minn hekk ma tistax tieħu l-mertu għall-ġid kollu li sar mill-predeċessur tiegħek, iżda fl-istess ħin tinjora l-ħażin li sar fl-istess żmien. Il-kontabbiltà u r-responsabbiltà politika m’humiex xi menu a la carte.

Iktar minn hekk, min ġie elett bil-wegħda ta’ ‘kontinwità’ irid jagħmel sforz ferm fuq livell ta’ partit kif ukoll fuq livell nazzjonali biex ma titnawwarx il-fiduċja fl-istituzzjonijiet ta’ Malta.