L-istejjer fittizji u  l-qlajjiet li kienu pubblikati dan l-aħħar f’portals tal-aħbarijiet qarrieqa li kienu kopja identika ta’ oħrajn stabbiliti u b’emails jew blogs foloz huma theddida serja ħafna għad-demokrazija f’Malta. Il-kwistjoni ssir aktar serja meta jkun hemm indikazzjonijiet li tista’ tkun parti minn pjan biex jinfluwenza, jekk mhux jimmanipula l-opinjoni pubblika ftit xhur qabel elezzjoni ġenerali. Min għandu l-interess li jibda jiġbed l-ispag minn wara l-kwinti fuq deċiżjonijiet tant sensittivi bħal dawn?

Għalkemm fake news mhux fenomenu ġdid, din id-darba qed niffaċċjaw attakk bla preċedent biex jitnisslu dubji u tinbidel l-opinjoni pubblika permezz ta’ stejjer mhux verifikati fuq kwistjonijiet serji ħafna fosthom il-proċeduri legali fil-każ ta’ qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

L-eskalazzjoni tal-kampanja ta’ aħbarijiet foloz tinkludi l-użu illegali tal-identità ta’ partijiet terzi bħal ġurnalisti, politiċi, figuri pubbliċi u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Barra minn hekk, dan il-kontenut qed jiġi ppreżentat bħallikieku ttella’ minn portals tal-aħbarijiet rinomati, partiti politiċi jew organizzazzjonijiet – għal darb’oħra bi ksur tal-liġijiet, f’dan il-każ li jirregolaw il-proprjetà intellettwali. Attakki bħal dawn huma magħrufa bħala website spoofing.

S’issa, dawn l-attakki kienu prinċipalment kontra nies li huma kritiċi tar-raġel suspettat bil-qtil ta’ Caruana Galizia – l-imprenditur Yorgen Fenech.  Id-Deputat Jason Azzopardi, il-blogger Manuel Delia u anke l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech kienu fil-mira. Yorgen Fenech ċaħad kwalunkwe involviment.

Iffaċċjat minn pressjoni dejjem tikber biex jaġixxi, il-Prim Ministru Robert Abela kiser is-silenzju tiegħu u qal li kien ukoll fil-mira f’nofs ix-xahar li għadda permezz ta’ emails foloz taparsi mibgħuta f’ismu, waqt li ħabbar li kien ta struzzjonijiet lill-Kumitat Nazzjonali dwar is-Cyber Crime biex jeżamina l-kwistjoni u biex jabbozza proposti biex tiħrax il-ġlieda kontra din il-forma ta’ reat. Iżda l-fatt li l-Prim Ministru irreaġixxa tard iqajjem mistoqsijiet. Għaliex kellu jkun il-Prim Ministru biex isejjaħ lill-entitajiet inkarigati biex jissalvagwardjaw is-sigurtà online u l-infurzar tal-liġi biex jeskalaw il-ħidma tagħhom? Għaliex kull darba li jkun hemm theddida serja l-Prim Ministru jħoss il-ħtieġa li jagħti struzzjonijiet lill-kummissarju tal-pulizija biex jinvestiga? Għaliex dawn l-entitajiet mhux qed ikunu iktar pro-attivi aktar imma donnhom qed jistennew id-direzzjoni politika biex jaġixxu?

Sadanittant, l-appell lill-qarrejja tagħna huwa li jkunu viġilanti ħafna. Kemm jekk tkun xi skema ta’ qerq finanzjarju, messaġġ suspettuż jew email, jew aħbarijiet sensazzjonali, hu mportant li nkunu kawti. Iktar iva milli le meta xi ħaġa bil-kemm tkun tista’ titwemmen, jew jekk tkun xokkanti, hemm ċans li jkun hemm xi ħadd qed jipprova jqarraq. L-esperti jgħidu li l-aħjar mod biex tirrikonoxxi website ġenwina hu permezz tal-indirizz elettroniku. Jekk hemm varjazzjoni żgħira bħas-sostituzzjoni ta’ .com b’xi ħaġa oħra bħal pereżempju .one il-websajt hi falza.

Għalkemm l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi qegħdin jaħdmu wkoll biex iwaqqfu dan l-abbuż, din hi biċċa xogħol diffiċli minħabba li ħafna drabi l-identità ta’ dawk wara dawn il-websites tibqa’ mhux magħrufa u jkunu huma bbażati f’pajjiżi barranin. Il-ġlieda ssir saħansitra iktar iebsa jekk attakki bħal dawn jibdew isiru dejjem aktar spissi mingħajr ħadd ma jinqabad. Affarijiet bħal dawn jibdew isiru qisu xejn mhu xejn. Xi ħadd jiftakar il-websajt falza ta ’Simon Busuttil fl-2017 jew il-websajt falza ta’ MaltaToday li kienet qed iġġorr artiklu fuq Keith Schembri? Ikun interessanti li l-awtoritajiet jgħidilna x’azzjoni ttieħdet u din fejn wasslet.

S’issa, dawn l-attakki l-aktar li kellhom impatt kien fil-kamp politiku iżda l-istorja ma tieqafx hawn. Attakk sostnut minn dawn il-websites qarrieqa, aħbarijiet foloz u emails qarrieqa jista’ jibda jagħmel ħsara lis-sigurtà nazzjonali, lill-ekonomija u fl-aħħar mill-aħħar jhedded l-impjiegi. Jekk l-awtoritajiet jitilfu l-kontroll tas-sitwazzjoni informazzjoni sensittiva bħal rekords tat-taxxa, dokumenti tal-qorti u dawk dwar investigazzjonijiet kriminali jistgħu jkunu fil-periklu. Fuq il-front ekonomiku r-reputazzjoni ta’ Malta ssofri wkoll minħabba li l-biża’ li jkollok tiffaċċja attakki kontinwi fis-sistemi tal-kompjuter tnaffar lill-investituri u fl-aħħar mill-aħħar thedded l-impjiegi. Ir-riskju ta’ dawn l-attakki jmur ferm lil hinn mill-kontroversji politiċi li nqalgħu s’issa.