Il-Kumitat tal-Kultura u l-Edukazzjoni approva riżoluzzjoni li titlob lill-Kummissjoni tipproponi “Status Ewropew tal-Artist”, li jistabbilixxi qafas komuni għall-kundizzjonijiet tax-xogħol u standards minimi għall-pajjiżi kollha tal-UE, filwaqt li jirrispetta bis-sħiħ il-kompetenzi tal-istati membri suq tax-xogħol u politika kulturali.

Id-differenzi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-istatus legali ta’artist u r-rikonoxximent bejn pajjiż u ieħor ixekklu l-kollaborazzjoni u l-mobbiltà. Fit-test approvat, il-MPE jitolbu lill-istati membri u lill-Kummissjoni biex ineħħu l-ostakli kollha għall-mobbiltà, billi jirrevedu, jekk ikun hemm bżonn, ir-rekwiżiti amministrattivi dwar il-visas, it-tassazzjoni, u s-sigurtà soċjali, kif ukoll dwar ir-rikonoxximent ta’edukazzjoni bbażata fuq l-arti. Il-MPE jitolbu wkoll għal programmi speċifiċi għall-mobbiltà ta’ innovaturi żgħażagħ.

Dħul minn drittijiet tal-awtur u pjattaformi ta’ streaming

L-artisti huma esposti għal prattiki inġusti minn pjattaformi ta’ streaming diġitali, bħal klawsoli ta’ xiri li jċaħħdu lill-awturi jew ir-royalties tagħhom. Biex jirrimedjaw għal dan, il-MPE jridu li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw li l-artisti u l-ħaddiema kulturali jkollhom aċċess għan-negozjar kollettiv u jinfurzaw bil-qawwa l-protezzjoni għax-xogħlijiet tagħhom fil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar id-drittijiet tal-awtur.

Tiddefendi l-libertà artistika

Il-MPE jħeġġu lill-Istati Membri biex irawmu u jiddefendu l-libertà artistika sabiex iħarsu d-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u jiżguraw li ċ-ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jgawdu liberament il-kreazzjonijiet artistiċi. Huma jħeġġu lill-Kummissjoni tissanzjona l-pajjiżi tal-UE li jonqsu milli jħarsu dawn il-libertajiet.

Il-passi li jmiss

Ir-riżoluzzjoni għandha tiġi vvutata mill-Parlament fit-tieni sessjoni plenarja ta’ Ottubru. Il-pandemija kixfet il-vulnerabbiltajiet tax-xogħol tal-artisti u l-ħaddiema kulturali. Fl-2020, is-settur kulturali u kreattiv fl-UE esperjenza telf ta’ €199 biljun – bis-setturi tal-mużika u tal-arti tal-ispettaklu jesperjenzaw telf ta’ 75% u 90% rispettivament.