Minkejja l-miljuni li jintefqu kull sena fis-sistema edukattiva, Malta għad għandha t-tieni l-ogħla rata ta’ persuni b’livell edukattiv baxx ħafna fl-UE, wara l-Portugall li jinsab l-aħħar. Din ix-xejra hi fil-biċċa l-kbira identika fil-livelli kollha ta’ edukazzjoni akkademika miksuba mill-poplu fejn Malta tikklassifika fost l-agħar pajjiżi.

Jirriżulta li fl-2020 Malta kellha t-tieni l-ogħla persentaġġ tal-popolazzjoni fl-UE b’livell ta’ edukazzjoni  minn 0 sa 2, li jfisser li inqas minn żewġ O Levels. Skont il-Eurostat, 40.3% tal-Maltin jaqgħu f’din il-kategorija, li hija t-tieni l-ogħla rata fl-UE wara l-Portugall fejn ir-rata rispettiva hi ta’ 44.5%.

Għalkemm fl-aħħar għaxar snin kien hemm titjib sinifikanti peress li fl-2010 ċ-ċifra f’Malta kienet ta’ 60.3%, għad hemm differenza sinifikanti meta mqabbla mal-bqija tal-Ewropa billi l-medja tal-UE fl-2020 kienet ta’ 25.1%.

Dawn ir-riżultati huma riflessi fil-biċċa l-kbira fil-kategoriji l-oħra li jinkludu dawk li l-kisba edukattiva tagħhom tvarja minn livell 3 sa 4 li tfisser xi ħadd li għandu żewġ O Levels jew aktar u mill-inqas intermediate jew A Level. F’dan il-każ il-persentaġġ rispettiv f’Malta fl-2020 kien ta’ 31.7% li kien taħt il-medja tal-UE li ta’ 46%. Fil-klassifka ġenerali Malta tinsab fit-tielet post mill-aħħar quddiem Spanja u l-Portugall. Madanakollu, kien hemm titjib modest peress li fl-2010 il-perċentwal tal-popolazzjoni Maltija li kellha dan il-livell edukattiv kienet ta’ 25.6%.

L-istatistika tal-Eurostat tkopri wkoll dawk li l-kisba edukattiva tagħhom tvarja bejn il-livell sekondarju superjuri sal-livell ta’ dottorat. F’dan il-każ Malta għamlet progress sinifikanti billi mxiet minn 39.7% tal-popolazzjoni fl-2010 għal 59.7% fl-2020. Għal darb’oħra, madankollu, għadha taħt il-medja tal-UE li tlaħħaq 74.9%. F’dan ir-rigward, il-Portugall biss jikklassifika taħt Malta fil-klassifika ġenerali.

Intant, skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika n-numru ta’ persuni f’Malta b’livell baxx ta’ edukazzjoni jammonta għal 203,151 li huwa kważi nofs dawk ta’ 15-il sena jew aktar. Barra minn hekk, l-NSO qal li r-rata ta’ dawk li ma jkomplux jistudjaw wara l-edukazzjoni sekondarja niżlet għal 12.6% iżda għadha għola mill-mira tal-UE ta’10%.

Fil-proposti tal-Baġit għall-2022 il-UĦM Voice of the Workers qed tipproponi enfasi akbar fuq l-edukazzjoni vokazzjonali fil-livell sekondarju, permezz tat-twaqqif mill-ġdid tal-iskejjel tas-snajja’. L-għan wara din ir-rakkomandazzjoni huwa li studenti li qed jintilfu fis-sistema edukattiva preżenti fi stadju bikri tal-edukazzjoni sekondarja ikollhom triq alternattiva. B’din il-proposta dawn l-istudenti jiffokaw aktar fuq suġġetti vokazzjonali aktar milli akkademiċi sabiex ikunu f’pożizzjoni aħjar biex jiksbu xi tip ta’ kwalifika f’ħiliet elementari u jtejbu l-opportunitajiet ta’ xogħol. Barra minn hekk, dan jista’ jindirizza wkoll in-nuqqas qawwi fis-suq tax-xogħol Malti ta’ ħaddiema tas-sengħa u dawk manwali.