Ħafna minn dawk li qed ifittxu l-għajnuna tas-Supportline 179, servizz finanzjat mill-Istat, qed jagħmlu dan minħabba li jħossuhom waħedhom. Jirriżulta li fl-2022 dawn it-tip ta’ każijiet ammontaw għal 3,636 minn fost 12,515-il telefonata li tħaddmu b’dan is-servizz operat mill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali. Madankollu, in-numru jista’ jkun saħansitra ogħla peress li kien hemm 2,436 każ fejn ir-raġuni taqt-telefonata ma kinitx speċifikata.

Ir-riċerka wriet li n-nies li jbatu mis-solitudni jużaw servizzi bħal dawn biex jiftħu qalbhom u biex isibu l-wens. Jista’ jkun ukoll li dawn in-nies isibuha aktar faċli li jiftħu qalbhom ma’ xi ħadd li ma jafuhx filwaqt li jibqgħu anonimi. Din l-anonimità tista’ tagħmilha aktar faċli għall-individwi biex jaqsmu l-ħsibijiet u l-emozzjonijiet tagħhom mingħajr il-biża’ li jiġu rikonoxxuti jew iġġudikati.

Supportline 179 joffri għajnuna u informazzjoni dwar is-servizzi lokali tal-ħarsien soċjali u aġenziji oħra, u jservi bħala servizz ta’ referenza għal dawk li jċemplu u jkunu jeħtieġu għajnuna. Huwa wkoll servizz nazzjonali għal nies li jinsabu fi żminijiet ta’ diffikultà jew kriżi. Il-missjoni primarja  hi li tingħata għajnuna immedjata lil dawk li jfittxu informazzjoni, appoġġ, u/jew jeħtieġu riferiment għal aġenziji tas-servizz soċjali.

Statistika dwar is-sejħiet li daħlu għand is-Supportline 179 fl-2022, dan l-aħħar tqegħdet fil-parlament mill-Ministru tal-Politika Soċjali Michael Falzon bi tweġiba għal mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo. Huwa nnota li s-servizz jitħaddem fuq bażi ta’ 24 siegħa, permezz ta’ tliet impjegati f’kull xift.

Analiżi aktar profonda ta’ din l-istatistika turi li apparti s-solitudni, it-tieni  l-aktar numru ta’ każijiet kienu dwar is-saħħa mentali b’1,353. Raġunijiet oħra li ssemmew minn dawk li talbu l-għajnuna kienu ta’ persuni li m’għandhomx saqaf fuq rashom b’507 każi u ‘konflitti f’relazzjoni romantika’ bi 362 telefonata. .

Każijiet ta’ vjolenza domestika ammontaw għal 602, għalkemm dawn ġew maqsuma f’diversi kategoriji. Kważi nofs dawn it-telefonati kienu jinvolvu abbuż emozzjonali (297) filwaqt li każijiet ta’ abbuż fiżiku ammontaw għal 197 filwaqt li 79 każ ieħor kienu ta’ dawk li beżgħu li jkunu f’riskju ta’ vjolenza domestika.

Fl-2022, is-Supportline 179 ittratta wkoll 480 każ ta’ abbuż tat-tfal, l-aktar traskuraġni (160) segwiti minn abbuż emozzjonali (128), fiżiku (96) u sesswali (17). 79 każ ieħor ġew identifikati bħala f’riskju ta’ abbuż.

Dawn ix-xejriet fuq komplew fl-2023, tant li fl-ewwel nofs ta’ din is-sena daħlu 5,505 telefonata bis-solitudni għal darb’oħra toħroġ bħala l-aktar tema komuni.