Il-Kumitat tas-Suq Intern adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar miżuri ġodda għat-tisħiħ tad-dritt għat-tiswija u l-promozzjoni tal-konsum sostenibbli. Il-kumitat tas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar “dritt għat-tiswija” għall-konsumaturi, bi 38 vot favur, 2 kontra, u l-ebda astensjoni. Il-proposta għandha l-għan li tagħti spinta lit-tiswijiet matul u lil hinn mill-perjodu ta’ garanzija legali ta’ prodott u tippromwovi kultura ġdida ta’ tiswija.

Tiswija fuq rimedji oħra

Il-bejjiegħa jkunu meħtieġa joffru tiswija b’xejn fil-perjodu ta’ garanzija legali, ħlief meta tkun aktar għalja milli jinbidel il-prodott, fattwalment impossibbli jew tkun ta’ inkonvenjenti għall-konsumatur. Il-MPE appoġġaw inċentivi għall-konsumaturi biex jagħżlu t-tiswija minflok is-sostituzzjoni fil-perjodu ta’ responsabbiltà, bħall-estensjoni tal-garanzija legali b’sena għal prodotti msewwija. Il-MPE jridu wkoll li l-istati membri jippromwovu t-tiswija permezz ta’ inċentivi finanzjarji bħal vawċers u fondi nazzjonali għat-tiswija.

Lil hinn mill-garanzija legali

Il-produtturi jkunu obbligati jsewwu ċertu numru ta’ prodotti (eż. magni tal-ħasil tad-dar, vacuum cleaners, smartphones, roti) anki jekk jaqgħu barra mill-ambitu ta’ garanzija legali. Biex jinkoraġġixxu dan, il-MPE jridu li t-tiswijiet isiru fi żmien raġonevoli u l-produtturi jkunu jistgħu joffru apparat ta’ sostituzzjoni għal self lill-konsumaturi. Jekk prodott ma jistax jiġi ffissat, il-produtturi jistgħu joffru wieħed irranġat minflok, jgħidu l-MPE.

Suq tat-tiswija aktar trasparenti u kompetittiv

Min isewwi u s-sid tal-prodott għandu jkollhom aċċess għall-ispare parts, l-informazzjoni u l-għodda kollha bi spiża raġonevoli tul il-ħajja ta’ prodott. Skont il-MPE, dan se jsaħħaħ il-kompetizzjoni, inaqqas l-ispejjeż tat-tiswija u jagħti aktar għażla lill-konsumaturi.

Informazzjoni dwar servizzi u kundizzjonijiet tat-tiswija

Pjattaformi online nazzjonali jippermettu lill-konsumaturi jsibu min isewwi u bejjiegħa ta’ oġġetti msewwija. Il-konsumaturi jistgħu wkoll jiksbu ħarsa ġenerali lejn il-kundizzjonijiet tat-tiswija ta’ kull apparat, inkluża informazzjoni dwar min isewwi, il-prezz massimu u l-ħin meħtieġ, u mbagħad ikunu jistgħu jqabblu offerti differenti.

Il-passi li jmiss

L-abbozz ser jiġi mressaq għall-vot mill-MPE fis-sessjoni plenarja tal-20-23 ta’ Novembru. Meta l-Kunsill jadotta l-pożizzjoni tiegħu, in-negozjati dwar it-test finali jistgħu jibdew.