Il-Parlament Ewropew ippubblika r-riżultati tal-istħarriġ tiegħu tal-Ewrobarometru dwar il-Futur tal-Ewropa. L-istħarriġ ġie kkummissjonat b’mod konġunt mal-Kummissjoni Ewropea.


Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa

Madwar tmienja minn kull għaxar Ewropej (81%) jaqblu li l-Konferenza għandha tittratta bi prijorità kif l-UE tista’ tittratta aħjar il-kriżijiet bħal dik tal-coronavirus, inkluż aktar minn terz (38%) li jaqblu bis-sħiħ.

L-Ewropej li huma lesti jinvolvu ruħhom fil-Konferenza dwar il-futur tal-Ewropa jixtiequ l-ewwel u qabel kollox jagħmlu dan permezz ta’ laqgħat fiż-żona lokali tagħhom, bħal dibattiti jew assemblej taċ-ċittadini (44%). Iċ-ċittadini jaraw l-involviment fil-proċess tal-ġbir tal-ideat tal-Konferenza billi jwieġbu stħarriġ (34%), billi jressqu ideat u proposti lill-politiċi Ewropej u nazzjonali (31%) u billi jieħdu sehem f’konsultazzjonijiet online permezz ta’ pjattaformi ta’ diskussjoni (30%) bħala attraenti.

Iż-żgħażagħ u l-futur tal-Unjoni Ewropea

Aktar minn tmienja minn kull għaxar Ewropej (83%) jaqblu li l-Konferenza għandha tinvolvi speċifikament liż-żgħażagħ biex irawmu ideat ġodda, u dan jinkludi erbgħa minn kull għaxra (40%) li jaqblu totalment.

Żewġ terzi tal-Ewropej (66%) jaqblu li l-proġett tal-UE joffri perspettiva futura għaż-żgħażagħ tal-Ewropa. Proporzjon simili (65%) jaqbel li l-UE hija post ta’ stabbiltà f’dinja problematika, għalkemm dan huwa inqas minn dak fl-istħarriġ preċedenti fl-2018 (-11 punti perċentwali).


L-elezzjonijiet Ewropej u l-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea

L-istħarriġ dwar il-futur tal-Ewropa eżamina wkoll mistoqsijiet dwar l-elezzjonijiet Ewropej u l-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni. Skont l-istħarriġ, huwa darbtejn aktar probabbli li dawk li wieġbu jappoġġaw il-votazzjoni għal-listi transnazzjonali fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew bħala ħaġa tajba (42%), meta mqabbla ma’ wieħed biss minn kull ħamsa li jirrifjutaw l-idea (1 %). 36% huma indifferenti għal din il-kwistjoni.

Aktar minn żewġ terzi ta’ dawk li wieġbu huma favur proċess biex jiġi elett il-President tal-Kummissjoni Ewropea permezz tal-għażla tal-kandidati ewlenin fl-elezzjonijiet Ewropej, filwaqt li inqas minn kwart (22%) jgħidu li mhumiex favur dan il-proċess.

Filwaqt li 61% jaqblu li proċess bħal dan jagħmel sens biss jekk iċ-ċittadini tal-UE jingħataw il-possibbiltà li jivvutaw għal-listi transnazzjonali, kważi żewġ terzi ta’ dawk li wieġbu (64%) jaqblu li dan iġib aktar trasparenza fil-proċess tal-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea. Iċ-ċittadini jemmnu li din tagħti wkoll aktar leġittimità lill-Kummissjoni Ewropea (63%) u li tirrappreżenta progress sinifikanti għad-demokrazija fl-UE (62%).

Sfond

L-istħarriġ speċjali tal-Ewrobarometru nru 500 “Il-Futur tal-Ewropa” (EB94.1) twettaq bejn it-22 ta’ Ottubru u l-20 ta’ Novembru 2020 fis-27 Stat Membru tal-UE u ġie kkummissjonat b’mod konġunt mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Parlament Ewropew. L-istħarriġ twettaq wiċċ imb’ wiċċ u tlesta b’intervisti online fejn meħtieġ bħala riżultat tal-pandemija. B’kollox saru madwar 27,034 intervista.