Jidher Malta għamlet biżżejjed, għallinqas għalissa, biex tevitaw il-prospett li titpoġġa fil-lista l-griża li tiġbor dawk il-pajjiżi li ma kellhomx l-kontrolli meħtieġa kontra l-ħasil tal-flus. Dan is-sentiment ħareġ wara l-vot meħud mill-kumitat ta’ esperti kontra l-ħasil tal-flus tal-Kunsill tal-Ewropa, magħruf bħala Moneyval, li fih kien approvat ir-rapport finali dwar Malta.

Għalkemm il-kontenut ta’ dan ir-rapport se jiġi żvelat biss mill-Moneyval fis-sajf, sezzjonijiet tal-media indikaw li d-dokument finali ta valutazzjoni favorevoli dwar l-isforzi ta’ Malta biex tindirizza nuqqasijiet kbar fil-ġlieda kontra l-kriminalità finanzjarja. Konsegwentement, il-prospett  li Malta titpoġġa fil-lista l-ġriża mill-Financial Action Task Force tidher remota.

Madankollu, ikun żball gravi jekk tingħata l-impressjoni li l-affarijiet se jerġgħu lura għan-normal dalwaqt. Ir-reputazzjoni ta’ Malta se tieħu s-snin biex tissewwa. Fl-aħħar snin kien hemm wisq każijiet ta’ korruzzjoni u tixħim li jinvolvu politiċi diżonesti, negozjanti b’rabtiet kriminali u elementi fl-ogħla istituzzjonijiet tal-pajjiż, biex xi ħadd ikun jista’ jagħti l-benefiċċju tad-dubju lil Malta. Il-korp tal-pulizija, l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta u l-Awtorità Maltija tal-Logħob kollha ġew implikati xi darba jew oħra. Meta r-regolatur innifsu jkun imdaħħal fi skandli, jeqred il-kredibbilità u l-awtorità morali tal-Istat biex iwaqqaf l-abbużi. Mill-Panama Papers fl-2016, il-ftehim korrott tal-power station, dak tal-isptarijiet u l-aktar reċentement il-kuntratt ta’ €247 miljun tar-Residenza Saint Vincent De Paul, ir-reputazzjoni ta’ Malta ħadet majnata wara l-oħra. Din ir-rankatura ’l isfel kompliet iżżid bil-qtil brutali ta’ Daphne Caruana Galizia fl-2017 u r-rivelazzjonijiet sussegwenti li jimplikaw politiċi fil-qtil tagħha.

Filwaqt li xi wħud jistgħu jikkunslaw bil-fatt li fl-aħħar xhur jidher li l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-kriminalità finanzjarja ġiet intensifikata, kif jixhdu s-sensiela ta akkużi kontra persuni magħrufa, xorta għad iridu jgħaddu s-snin biex l-investituri barranin iħarsu lejn Malta minn perspettiva pożittiva. Dan biex ma nsemmux ir-responsabbiltà politika fejn għadna lura ħafna. Jidher ċar li hemm għall-politiċi tapplika l-liġi tal-allat u għall-kumplament dik tal-annimali kif jixhed il-fatt li r-riżenji fil-kamp politiku f’każi ta’ dikjarazzjonijiet foloz jew użu ħażin ta’ fondi pubbliċi mhux bilfors iwasslu għal riżenja. M’għandniex xi ngħidu li f’każ li jkun sempliċi ħaddiem, jitlef postu immedjatament.

Sadattant, ir-riperkussjonijiet ta’ dan kollu qed jinħassu mill-poplu fosthom fis-settur bankarju. Jidher li aktar ma jgħaddi ż-żmien il-klijenti qed jiġu trattati daqs li kieku kienu xi kriminali jew kellhom xi passat maħmuġ. Atteġjament bħal dan qed jimmanifesta ruħu f’żieda esaġerata ta’ burokrazija mill-banek, li qed jitolbu kull xorta ta’ dokumentazzjoni mingħand avukati, awdituri u r-regolaturi anke għal tranżazzjonijiet ta’ rutina bħall-ftuħ ta’ kontijiet bankarji ġodda minn klijenti li qatt ma xellfu duffrejhom mal-liġi. Id-detenturi tal-kont qed jintalbu wkoll jagħtu spjegazzjoni meta jirtiraw ċertu somom ta’ flus mill-kont tagħhom stess għax tali somom meqjusa kbar, minkejja li huma ferm inqas mill-miljuni li għaddew minn bnadi oħra li dwarhom l-awtoritajiet għalqu għajnejhom għal ħafna snin. L-istess qed jiġri fis-settur tal-volontarjat fejn organizzazzjonijiet qed ikunu mposti listi twal ta’ obbligazzjonijiet u proċeduri burokratiċi li jistgħu iwasslu għall-qirda tal-volontarjat f’Malta.  

Sfortunatament, dan huwa każ ieħor fejn dawk li jġorru l-piż u jħallsu l-akbar prezz mhumiex il-ħut il-kbir iżda ċittadini innoċenti li jobdu l-liġi.