Impjegat tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ngħata kumpens ta’ €12,000 wara li t-Tribunal Industrijali sab li dan kien tkeċċa inġustament, f’kawża li għamlet il-UĦM Voice of the Workers.

Id-deċiżjoni li ngħatat fis-6 ta’ Mejju hi dwar każ li imur lura għal Marzu tal-2018 meta l-impjegat, li kien ukoll shop steward tal-UĦM kien ġie akkużat mill-management li f’numru ta’ okkażjonijiet ma kienx qeda dmiru sew. Hu kien jaħdem bħala security assistant fil-control room u kien ilu mal-kumpanija 20 sena. L-akkuża kienet saret permezz ta’ ittra anonima mibgħuta lill-management.  

Dan wassal biex il-ħaddiem jitressaq quddiem bord tad-dixxiplina intern li sabu ħati  bl-evidenza tkun filmat ta’ sigurtà li skont il-management kien juri li ma kienx qed jagħti l-attenzjoni mistennija minnu. Id-deċiżjoni tat-tkeċċija kienet konfermata wkoll mill-bord tal-appell intern tal-istess kumpanija.

Kien f’dan l-istadju li l-UĦM Voice of the Workers ħadet il-każ ta’ dan il-ħaddiem quddiem it-Tribunal Industrijali fejn talbet li t-tkeċċija tiegħu tkun dikjarata inġusta u li jittieħdu dawk il-miżuri meħtieġa inkluż li jingħata kumpens xieraq.

Fid-deċiżjoni tiegħu it-Tribunal li kien presedut minn Harold Walls innota li s-security assistants kienu jaħdmu shifts ta’ 12-il siegħa u kien intitolati għal break ta’ 30 minuta u ieħor ta’ kwarta. Mill-provi irriżulta li l-impjegat ma kienx instab rieqed iżda ma kienx qed jikkonċentra u jagħmel attenzjoni biżżejjed biex josserva l-postijiet li kien responsabbli minnhom. Dwar dan l-istess impjegat kien qal li ġieli kien iserraħ rasu mad-dahar tas-siġġu għax kien iħossu xi ftit għajjien.

Madankollu, matul is-smigħ ta’ din il-kawża ħareġ li s-security assistants ma kienux qed jieħdu l-break skont kif tgħid il-liġi. Tant hu hekk li dawn kienu qed jibqgħu fil-control room tul it-12-il siegħa kollha anki waqt il-ħin tal-kolazzjon meta kienu jibqgħu josservaw l-iscreens tas-sistemi tas-sigurtà. F’dan ir-rigward it-Tribunal irrimarka li l-Ajruport Internazzjonali kien qed jikser il-liġi (Leġislazzjoni sussidjarja 452.87) li tgħid “il-waqfa ta’ mistrieħ għandha tkun għal perijodu mhux interrott ta’ mhux inqas minn 15-il minuta, u l-ħaddiem għandu jkun intitolat li jgħaddiha barra mil-lant tax-xogħol”.

Għaldaqstant, minbarra li l-aġir tal-kumpanija kien kontra l-liġi, l-atteġjament tagħha kien qed ikollu impatt negattiv fuq l-operat tal-ħaddiema. F’dan il-kuntest it-Tribunal ikkonkluda li l-għeja li kien qed isofri dan is-security assistant kienet riżultat tal-mod kif kienu qed jitħaddmu x-shift billi ma kienux qed jitħallew jieħdu brejk kif suppost. Kien għalhekk li t-Tribunal ikkonkluda li t-terminazzjoni tal-impjieg kienet waħda inġusta u bi ksur tal-liġi. Fl-istess ħin l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kien ordnat iħallas kumpens ta’ €12,000 fi żmien ġimgħatejn. L-avukat Andrew Grima deher għall-UĦM Voice of the Workers.