Is-sorsi ġodda ta’ dħul biex jiffinanzjaw il-fond ambizzjuż ta’ €800 biljun tal-UE għall-irkupru mill-koronavirus m’għandhomx ikollhom impatt negattiv fuq il-konsumaturi u l-gruppi vulnerabbli. Dan intqal f’abbozz ta’ opinjoni mħejjija mil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) f’abbozz ta’ opinjoni. Barra minn hekk, il-KESE saħaq li kwalunkwe piż finanzjarju li jista’ jkun hemm b’riżultat ta’ proposti bħal dawn għandu jitqassam b’mod ġust fost l-Istati Membri billi jitqiesu d-differenzi strutturali rispettivi tagħhom.

It-twissija saret f’abbozz ta’ opinjoni ppreżentat mill-Prof. Philip Von Brockdorff, li huwa r-rappreżentant tal-UHM Voice of the Workers f’din l-istituzzjoni Ewropea li tinkludi sħab soċjali mill-pajjiżi membri.

Il-Prof. Von Brockdorff kien ir-rapporteur ta’ din l-opinjoni, li għad trid tiġi approvata, u li saret b’reazzjoni għal proposta li ħarġet is-sena l-oħra l-Kummissjoni Ewropea dwar kif għandhom jitħallas id-dejn li sar biex ikun hemm dan il-fond ta’ €800 biljun imsejjaħ Next Generation EU.

Minn fejn ġejjin il-flus?

Taħt il-proposta tal-Kummissjoni se jkun hemm tliet “sorsi” ġodda ta’ dħul li se jiġġeneraw madwar €17-il biljun fis-sena mill-2026 sal-2030.

L-iskema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet (ETS), li tippermetti li ċerti industriji jarmu d-dijossidu tal-karbonju, se tipprovdi l-aktar flus lill-baġit tal-UE. Bħalissa, il-biċċa l-kbira ta’ dan id-dħul imur għall-baġits nazzjonali, iżda l-eżekuttiv tal-UE issa jrid li 25% jidħlu fil-kaxxa tal-UE. Dak huwa ugwali għal medja ta’ €9 biljun fis-sena bejn l-2023 u l-2030, skont il-prezzijiet tal-2018.

It-tieni sors ta’ dħul relatat mal-klima li l-Kummissjoni trid tgħaddi lejn il-baġit tal-UE, huwa l-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Fruntieri tal-Karbonju, li se jpoġġi prezz fuq ċerti oġġetti b’ħafna karbonju li jidħlu fl-UE. Ladarba jidħol fis-seħħ, il-Kummissjoni se tieħu 75% tad-dħul ta’ dan il-mekkaniżmu li mistenni jkun madwar €1 biljun fis-sena.

Sadanittant, il-Kummissjoni pproponiet li 15% tad-dħul addizzjonali mit-taxxa korporattiva li l-istati membri tal-UE se jirċievu wara l-ftehim dwar it-taxxa tal-OECD ta’ Ottubru li għadda, għandu jsaħħaħ ir-riżorsi proprji tal-UE. Dan se jipprovdi bejn wieħed u ieħor bejn €2.5 biljun u €4 biljun fis-sena.

Il-KESE jilqa’ proposti iżda jwissi dwar ċertu impatti

Fir-rimarki tiegħu, il-KESE nnota li mudell finanzjarju li jiddependi fuq ir-riżorsi proprji aktar milli l-kontribuzzjonijiet diretti tal-Istati Membri jkun pass fid-direzzjoni t-tajba peress li jevita tnaqqis fil-baġit jew kontribuzzjonijiet nazzjonali ogħla.

Madankollu, wissa dwar l-ispejjeż ta’ sistema ta’ skambju ta’ emissjonijiet għall-bini u t-trasport peress li dan jista’ jegħleb il-benefiċċji mixtieqa u jista’ jwassal għal żidiet inkontrollabbli fil-prezzijiet. Il-KESE rrefera wkoll għall-isfida enormi tat-tfassil ta’ mekkaniżmu ta’ kumpens effettiv u ġust f’UE li tinkludi 27 Stat Membru b’kuntesti soċjo-ekonomiċi u klimatiċi differenti ħafna.

Filwaqt li l-KESE jaqbel mat-tliet sorsi ta’ dħul proposti, irrimarka li kwalunkwe piż addizzjonali tat-taxxa għandu jkun parti minn riforma tat-taxxi u xi mekkaniżmu ta’ kumpens fil-livelli nazzjonali, biex jittaffew l-impatti negattivi possibbli fuq il-konsumaturi u l-gruppi vulnerabbli.

Fir-rigward tal-proposta li parti mid-dħul mit-taxxa korporattiva tiġi indirizzata lejn Brussell, il-KESE insista li dan m’għandux iwassal għal piżijiet ġodda għad-djar u n-negozji. Fejn meħtieġ, il-KESE jirrakkomanda li dan it-trasferiment jiġi abbinat ma’ riforma tat-taxxi fuq livelli oħra. Barra minn hekk, sostna li fuq livell internazzjonali għandu jkun hemm kundizzjonijiet ekwi għax inkella n-negozji fl-UE jispiċċaw fi żvantaġġ kompetittiv. Għalhekk, l-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda fl-UE m’għandhiex tiġi implimentata qabel ma jsir l-istess pass minn sħab kummerċjali ewlenin.

Id-deċiżjoni dwar dan kollu tiġi approvata unanimament fil-Kunsill Ewropew, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew. Din tista’ tidħol fis-seħħ ladarba tkun ġiet approvata mill-pajjiżi kollha tal-UE u jsiru bidliet fir-regolamenti tal-Baġit tal-UE li jridu jiġu approvati unanimament mill-Kunsill wara l-approvazzjoni tal-Parlament.