It-tħabbira formali taż-żjara ta’ jumejn tal-Papa Franġisku fil-Gżejjer Maltin f’April intlaqgħet b’entużjażmu. Għal pajjiż daqshekk żgħir bħal Malta, il- fatt li fi 30 sena il-Papa jkun ġie tliet darbiet hija barka fiha innifisha. Din id-darba ż-żjara se taħbat fi żmien meta dan il-pajjiż, li storikament spikka bħala bastjun tal-valuri nsara u tradizzjonali, jinsab fi kriżi. Minn żmien iż-żjara tal-Papa Benedittu XVI fl-2010, is-sitwazzjoni f’Malta nbidlet drastikament.

Għalkemm il-popolazzjoni ta’ Malta għadha fil-biċċa l-kbira Kattolika, għall-inqas fuq il-karta, l-attendenza għall-Quddies kompliet tonqos, id-divorzju ġie legalizzat u hemm biżżejjed evidenza li l-abort jista’ jsegwi dalwaqt. Jidher ċar li l-Knisja qed titlef l-influwenza tagħha u Malta malajr qed issir pajjiż sekulari. Jekk dan hux tajjeb jew ħażin, hija kwistjoni suġġettiva. Madankollu, din il-kriżi tmur lil hinn mill-konfini tal-Kurja. Il-kwistjoni hi  li qed ikunu imminati valuri universali bħat-tolleranza, is-solidarjetà, il-ġustizzja soċjali u d-dinjità umana. Sfortunatament, ħafna drabi qed nisimgħu dwar korruzzjoni, regħba u sfruttament li qed iħallu ġerħa fuq is-soċjetà u anke l-ambjent. Li hu aktar serju huwa l-fatt li wħud minn dawn id-‘dnubiet’ qed isiru minn dawk li mistennija jkunu ta’ eżempju fosthom politiċi, u nies fl-awtorità.

Għalkemm id-dettalji taż-żjara għad iridu jitħabbru, il-Kap tal-Knisja, se jkun fiċ-ċentru tal-attenzjoni matul iż-żjara kollha, speċjalment il-messaġġi li se jwassal. Il-Papa Franġisku huwa magħruf għall-mod skjett li jgħid l-affarijiet. Jidher li xejn mhu off limits għalih. Filwaqt li ma nistgħux nispekulaw fuq il-kontenut tad-diskorsi tiegħu, jekk il-Papa jindirizza l-kriżi serja ta’ valuri li ħakmet lil dan il-pajjiż, ikollu ħafna fuqhiex jitkellem. Dan ikun il-vera test ta’ din iż-żjara Papali. Filwaqt li eluf se jersqu biex isellmu lill-Qdusija Tiegħu u jaraw il-Papa mill-qrib, il-legat ta’ din iż-żjara se jiddependi minn kemm il-Maltin humiex se jħaddnu l-messaġġ tiegħu. Xi politiċi jistgħu japrofittaw miż-żjara biex jieħdu publiċità għalihom infushom, speċjalment jekk l-elezzjoni ġenerali ma tkunx għadha saret. Madankollu, dawn in-nies jafu perfettament li ma tistax taqdi żewġ sidien fl-istess ħin. Ma tistax taqdi lil Alla u lix-xitan. Fil-ħajja trid tagħmel l-għażliet. Jekk dawn in-nies huma daqshekk ħerqana li jkunu xempju tal-valuri sodi, it-test vera mhux quddiem il-cameras tat-televiżjoni, imma l-aġir tagħhom waqt il-leġislatura.