Il-Parlament u n-negozjaturi tal-Kunsill waslu għal ftehim proviżorju dwar regoli ġodda tal-UE dwar is-sigurtà tal-ġugarelli, bil-għan li tittejjeb il-protezzjoni tas-saħħa u l-iżvilupp tat-tfal. Il-ftehim isaħħaħ ir-rwol tal-operaturi ekonomiċi fit-titjib tas-sigurtà tal-ġugarelli, u jispjega aħjar ir-rekwiżiti dwar twissijiet ta’ sigurtà u l-“passaport diġitali tal-prodott” (DPP). Il-ftehim ukoll jestendi l-lista tas-sustanzi pprojbiti fil-ġugarelli.

Projbizzjoni ta’ kimiċi perikolużi

Minbarra l-projbizzjoni diġà eżistenti ta’ sustanzi karċinoġeniċi, jew tossiċi għar-riproduzzjoni (CRM), it-test maqbul jipprojbixxi wkoll kimiċi li jirrappreżentaw riskji partikolari għat-tfal fosthom sustanzi li jagħmlu ħsara lis-sistema respiratorja, u kimiċi li huma tossiċi għall-ġilda u għall-organi l-oħra. Fwejjaħ li jistgħu jikkawżaw allerġiji se jkunu pprojbiti fil-ġugarelli għal tfal taħt is-36 xahar kif ukoll f’dawk iddisinjati biex jidħlu f’ħalq it-tfal.

Valutazzjoni tas-sigurtà

Qabel ma jitpoġġa ġugarell fis-suq, il-manifatturi jkollhom jagħmlu valutazzjoni tas-sigurtà fuq ir-riskji potenzjali kollha – kimiċi, fiżiċi, mekkaniċi u elettriċi. Il-valutazzjoni trid tinkludi wkoll test dwar kif jinħaraq il-ġugarell, l-iġjene tiegħu, u r-radjazzjoni, filwaqt li tittieħed ukoll in konsiderazzjoni l-vulnerabbiltà speċifika tat-tfal. Pereżempju, il-manifatturi għandhom jiżguraw – fejn applikabbli – li ġugarelli diġitali ma joħolqux riskji għas-saħħa mentali tat-tfal, kif mitlub mill-Parlament.

Operaturi ekonomiċi u swieq online

Ir-regoli jispjegaw bl-aktar mod ċar l-obbligi tal-operaturi ekonomiċi bħal manifatturi, importaturi u distributuri. Dan jinkludi wkoll lil dawk li jipprovdu servizzi ta’ “fulfilment” (kumpaniji li jaħżnu, jippakkjaw u jibagħtu l-ġugarelli). Saru wkoll tibdiliet biex it-test ikun allinjat mal-leġiżlazzjoni oħra bħar-Regolament Ġenerali dwar is-Sigurtà tal-Prodotti, il-qafas ta’ Ecodesign, u l-Att dwar is-Servizzi Diġitali.

It-test jinkludi rekwiżiti speċifiċi għal swieq diġitali, fid-dawl tar-rwol dejjem jikber tagħhom fil-bejgħ u l-promozzjoni tal-ġugarelli. Pereżempju, dawn is-swieq se jkollhom jiddisinjaw il-pjattaformi tagħhom biex jippermettu lill-bejjiegħa juru ċ-ċertifikazzjoni CE, it-twissijiet ta’ sigurtà u link (bħal QR code) għall-passaport diġitali tal-prodott, viżibbli qabel ma jitlesta x-xiri.

Passaport diġitali tal-prodott

Kull ġugarell mibjugħ fl-UE se jkollu jkollu passaport diġitali tal-prodott (DPP) viżibbli b’mod ċar li juri l-konformità mar-regoli ta’ sigurtà rilevanti. Dan il-passaport se jsaħħaħ it-traċċabbiltà tal-ġugarelli u jagħmel is-sorveljanza tas-suq u l-kontrolli tad-dwana aktar faċli u effiċjenti. Konsumaturi se jkollhom aċċess sempliċi għal informazzjoni dwar is-sigurtà u twissijiet, pereżempju permezz ta’ QR code.

Il-passi li jmiss

Il-Parlament u l-Kunsill għalqu ftehim f’“qari bikri tat-tieni stadju” (in-negozjati seħħew wara li l-ewwel qari kien adottat fil-plenarja tal-Parlament). Issa l-Kunsill mistenni jadotta dan il-ftehim formalment, u wara l-Parlament jeħtieġ japprova t-test fil-plenarja fit-tieni qari. Ir-regolament jidħol fis-seħħ 20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE. L-istati membri se jkollhom 54 xahar biex jikkonformaw mar-rekwiżiti tiegħu.