Il-popolazzjoni ta’ Malta fix-xhur tas-sajf qed taqbeż is-600,000 minħabba influss ta’ eluf ta’ turisti, skont studju ppubblikat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO).

Għalkemm l-istatistiċi dwar it-turiżmu ilhom jiġu ppubblikati għal ħafna snin, din hija l-ewwel darba li saret analiżi biex jiġi stabbilit l-impatt fuq il-popolazzjoni Maltija, aktar milli sempliċiment informazzjoni fuq it-total ta’ turisti li ġew Malta. Għalhekk, l-NSO introduċa terminu ġdid – il-popolazzjoni effettiva – li tinkludi kemm ir-residenti kif ukoll dawk li jkunu hawn għal żmien qasir.

Jirriżulta li f’Awwissu 2023 il-popolazzjoni effettiva ta’ Malta laħqet 628,058, li minnhom 75,824 kienu turisti. B’kuntrast, f’Diċembru l-popolazzjoni effettiva niżlet għal 562,591, hekk kif dan ix-xahar it-turiżmu jkunu fl-inqas livell. Din il-varjazzjoni staġjonali wasslet għal tnaqqis ta’ 65,467 fil-popolazzjoni effettiva fi żmien erba’ xhur biss. Dawn il-varjazzjonijiet ifissru li bejn Ġunju u Ottubru, il-popolazzjoni effettiva ta’ Malta qabżet is-600,000.

Ir-rapport inkluda wkoll analiżi aktar fil-fond mill-perspettiva ġeografika. Kif mistenni, l-aktar lokalitajiet li fihom hemm l-akbar konċentrazzjoni ta’ lukandi u postijiet ta’ divertiment kienu l-iktar milquta mit-turiżmu. F’Awwissu 2023, San Ġiljan—li jinkludi Paceville u l-Bajja San Ġorġ—ra l-popolazzjoni effettiva tiegħu tirdoppja għal 30,935, meta r-residenti kienu biss 13,518. Madankollu, l-ikbar popolazzjoni effettiva kienet dik ta’ San Pawl il-Baħar, li f’dak ix-xahar laħqet 51,517, li minnhom 35,865 kienu residenti. F’dan il-każ ta’ min jinnota li residenti f’din il-lokalità telgħet minn 21,943 fl-2016 għal 35,865 fl-2023 – prinċipalment barranin, fosthom ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaħdmu f’Malta.

Skont dan ir-rapport, f’Awwissu 2023, Tas-Sliema kellha popolazzjoni effettiva ta’ 33,877 li minnhom 12,412 kienu turisti, waqt li l-popolazzjoni ta’ Mellieħa laħqet 23,113 li minnhom 13,861 kienu residenti. Lokalitajiet oħra affettwati b’mod sinifikanti mit-turiżmu kienu l-Gżira, b’popolazzjoni effettiva ta’ 16,696 li minnhom 11,944 kienu residenti, u l-Belt Valletta b’popolazzjoni effettiva ta’ 9,276 li minnhom 5,254 kienu residenti.

Permezz ta’ din l-istatistika, saret aktar faċli li jiġi analizzat l-impatt tal-industrija tat-turiżmu fuq l-infrastruttura tal-pajjiż, speċjalment fix-xhur tas-sajf. Din l-informazzjoni hija kruċjali jekk irridu li l-industrija tat-turiżmu f’Malta tkun waħda sostenibbli—fost tħassib dejjem jikber li qed naraw biss il-kwantità, għad-detriment tal-kwalità tal-ħajja, speċjalment f’dawk iz-zoni li huma l-iktar milquta mit-turiżmu.