F’dinja dejjem iktar mgħaġġla, mifnija b’kunflitti u b’rabja, wieħed mill-ewwel messaġġi tal-Papa Ljun XIV kellu impatt qawwi u ċar: Inrażżnu kliemna, u ngħinu nżarmaw lid-dinja. Erbat ijiem biss wara l-elezzjoni tiegħu, il-Papa l-ġdid indirizza lill-professjonisti tal-midja miġbura Ruma — mhux biex jikkritikahom jew ifaħħarhom, iżda biex jistedinhom isiru strumenti ta’ paċi bil-mod kif jikkomunikaw.

Waqt laqgħa fis-Sala Pawlu VI fil-Vatikan, il-Papa irrikonoxxa l-ġranet intensi li għaddew minnhom il-ġurnalisti wara l-mewt tal-Papa Franġisku, il-konklavi u l-ewwel passi tal-pontifikat tiegħu. Iżda mar lil hinn minn hekk. Il-Papa stieden lil dawk preżenti biex iħaddnu komunikazzjoni differenti — waħda li ma tfittix il-kunsens akkost ta’ kollox, li tevita kliem aggressiv, li ma ssegwix il-kultura tal-kompetizzjoni u li qatt ma tifred it-tfittxija għall-verità mill-imħabba. Dan mhux biss messaġġ għall-midja istituzzjonali, iżda wkoll għal ċiviltà diġitali sħiħa li qed titfassal bil-kliem li niktbu, naqsmu u nieklu kuljum.

Fil-fatt, għalkemm l-udjenza tiegħu kienet magħmula minn ġurnalisti u xandara, il-kliem tiegħu għandu rilevanza lil hinn mill-kmamar tal-aħbarijiet. Illum, kull min għandu telefon ċellulari u juża l-midja soċjali għandu f’idejh l-istess saħħa li darba kellha l-istampa u t-televiżjoni. Permezz ta’ tweets, posts u videos, biljun persuna qed tgħin tibni l-opinjoni pubblika, ixxerred l-istejjer, u tinfluwenza l-imġiba. Ir-responsabbiltà li l-Papa jpoġġi fuq il-midja hi li tkun evitata l-manipulazzjoni ideoloġika, il-lingwaġġ provokattiv, u li nfittxu l-verità b’umiltà. Din ir-responsabbiltà għandha tapplika wkoll għal kull min juża l-midja soċjali. Għax illum, kull wieħed u waħda minna bi kliemu jista’ jkisser jew jibni.

F’dan is-sens, il-Papa Ljun XIV qed isejjaħ għal rivoluzzjoni kulturali — waħda li ma tibdiex b’miri ambuzzjużi ħafna imma minn sempliċi drawwiet personali tagħna fid-dinja diġitali. Dak li naqsmu, kif inwieġbu, it-ton li nużaw, is-suppożizzjonijiet li nagħmlu: dawn mhumiex deċiżjonijiet bla piż. Huma atti morali. F’era fejn kull ma tgħid jew tikteb jista’ jkollu konsegwenzi kbar, messaġġ jew kitbba fuq midja soċjali jista’ jqanqal paniku, mibegħda, jew tama. Il-Papa qed jistieden lil kulħadd biex jifhem dan b’mod serju. Il-kliem jista’ jweġġa’, imma jista’ wkoll ifejjaq. Ejja nagħżlu dak li jfejjaq.

Din ir-responsabbiltà ssir aktar urġenti fid-dawl tal-kummenti tal-Papa dwar l-intelliġenza artifiċjali u l-iżviluppi fid-dinja tal-komunikazzjoni. Hekk kif teknoloġiji bħall-AI qed joħolqu u jxandru kontenut b’mod awtomatiku, spiss mingħajr superviżjoni editorjali, il-ħtieġa għal dixxerniment etiku qiegħda tikber. Il-Papa Ljun XIV ifakkarna li t-teknoloġija trid tkun dejjem fil-qadi tal-ġid komuni. Mhux biżżejjed li kontenut ikun immedjat jew sensazzjonali. Irrid ikun ġust, onest u uman.

Il-Papa wera wkoll solidarjetà mal-ġurnalisti li qed jinżammu arrestati jew jinsabu f’riskju għax qed jagħmlu xogħolhom. Dawk li jirrappurtaw il-verità minkejja ċ-ċensura u r-repressjoni jistħoqqilhom mhux biss l-apprezzament tagħna, iżda wkoll il-protezzjoni. Mingħajr midja libera u responsabbli — u tassew, mingħajr ċittadini liberi u responsabbli — id-demokrazija tispiċċa. Individwi infurmati biss jistgħu jagħmlu għażliet ħielsa, qal il-Papa. Din il-libertà tinżamm mhux biss permezz tal-istituzzjonijiet, iżda b’għemilna fid-dinja diġitali ta’ kuljum.

Il-Papa Ljun XIV silet kliem Santu Wistin  — “Ngħixu tajjeb, u ż-żminijiet ikunu tajbin. Iż-żminijiet huma aħna.” — biex ifakkarna li l-bidla ma tinżilx mis-sema. Tibda fina. Tibda meta l-professjonisti tal-midja jwettqu xogħolhom b’integrità, u meta kull ċittadin iħares lejn il-komunikazzjoni mhux bħala arma, imma bħala għodda sagra li tista’ tagħmel il-ġid.

Jekk irridu dinja inqas vjolenti, inqas maqsuma, u aktar onesta, irridu nibdew bil-mod kif nitkellmu ma’ xulxin. Ejja nqisu kliemna. Il-paċi li nixtiequ tibda b’azzjoni sempliċi: niktbu b’kuxjenza.