Il-helpline tal-OHSA meqjusa bħala ‘pass importanti ’l quddiem’

Helpline ġdida, imnedija mill-awtorità responsabbli għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, ġiet deskritta bħala “pass importanti ’l quddiem” fid-dawl ta’ żieda sostanzjali fin-numru ta’ sejħiet tal-pubbliku.
Imnedija fit-13 ta’ Awwissu 2024, il-Helpline 138 kienet rakkomandazzjoni ewlenija li ħarġet mill-inkjesta dwar il-mewt traġika ta’ Jean Paul Sofia — iż-żagħżugħ ta’ 20 sena li tilef ħajtu f’sit ta’ kostruzzjoni f’Kordin f’Diċembru tal-2022. Fil-fatt, in-numru tal-helpline ġie magħżul apposta għax jaqbel mad-data tat-twelid ta’ Sofia.
Minn meta tnediet din il-lina sal-aħħar tas-sena li għaddiet, daħlu 3,163 telefonata, meta mqabbla mal-perjodu ta’ qabel fejn l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) kienet irċeviet biss 272 telefonata fir-reception desk, 261 email, u 18-il messaġġ fuq il-midja soċjali tagħha. Dawn iċ-ċifri kienu żvelati fir-rapport annwali tal-2024 li tpoġġa dan l-aħħar fuq il-mejda tal-Parlament.
Fl-2024, l-awtorità għaddiet minn bidliet importanti kemm fil-livell maniġerjali kif ukoll fl-istruttura operattiva tagħha, fosthom minħabba d-dħul fis-seħħ ta’ liġi ġdida li tirregola s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
Fl-ewwel 21 ġimgħa ta’ operat tagħha, fil-Helpline 138 daħlu 3,163 sejħa, li 33% minnhom kienu relatati direttament ma’ kwistjonijiet li jaqgħu taħt l-OHSA. Minn dawn, 384 sejħa kienu talbiet għal informazzjoni li ġew indirizzati mill-ewwel, filwaqt li kien hemm 680 każ li kienu jeħtieġu azzjoni ulterjuri. Ħafna minn dawn kienu każi relatati ma’ informazzjoni ġenerali (304), segwiti minn ilmenti tekniċi (201) u komunikazzjoni personalizzata (120). Barra minn hekk, kien hemm 40 każ li kienu jirrigwardaw rapporti ta’ inċidenti, filwaqt li 15-il każ ieħor instabu li kienu jaqgħu barra mill-kompetenza tal-awtorità.
Il-bqija tas-sejħiet (2,099, jiġifieri 66%) ma kinux jaqgħu taħt ir-responsabbiltà diretta tal-OHSA u għalhekk ġew riferuti lill-Aġenzija tal-Bini u l-Kostruzzjoni u entitajiet oħra skont il-każ.
Fir-rapport tagħha, l-OHSA innotat li l-ilmenti mill-pubbliku żdiedu b’aktar minn tliet darbiet – indikazzjoni li żdied l-għarfien fuq is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Dan ix-xejra ġiet ikkonfermata bl-istatistika għax fl-2024 il-każijiet tekniċi telgħu għal 1,231 minn 374 fis-sena ta’ qabel.
Fid-dawl ta’ dan kollu, l-awtorità ħabbret li fl-2025 se tkun qed timpjega maniġer iddedikat customer care, sabiex tkompli ttejjeb l-operat ta’ din il-helpline.