Il-President Metsola tappella biex l-Ewropa ssir potenza globali

F’diskors waqt konferenza bit-tema “L-Ewropa f’salib it-toroq” il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola elenkat il-viżjoni tagħha għal Ewropa aktar intelliġenti, aktar b’saħħitha u aktar sigura.
Il-President saħqet li “ż-żmien li nitkellmu dwar sitwazzjonijiet ipotetiċi ta’ salib it-toroq spiċċa. Fadal triq waħda biss: ’il quddiem u flimkien.” Hija sejħet għal Ewropa differenti – waħda aktar realista, aktar awtokritika u li tappoġġja l-industriji tagħha, b’inqas regolamentazzjoni u aktar innovazzjoni. Ewropa li tifhem ir-riskji tal-populiżmu u li tkun aktar f’konformità ma’ dak li jistennew iċ-ċittadini tagħha. Hija qalet li wasal iż-żmien għal bidla fil-mentalità u f’liema affarijiet nagħtu prijorità. Il-President Metsola appellat lill-Unjoni Ewropea u lill-Parlament Ewropew biex jaħdmu b’mod differenti, b’aktar kunfidenza, b’mod aktar spedit, u b’aktar kuraġġ fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet.
Manifest għal bidla
Wissiet li wara l-aħħar elezzjonijiet Ewropej, “iċ-ċentru politiku jista’ jkun li għadu jżomm sod –– iżda fi żmien ta’ polarizzazzjoni iktar qawwija, li tinjora s-sinjali ta’ twissija ikun żball kbir.”
“Għandna bżonn id-determinazzjoni – il-kuraġġ politiku – biex nuru li għadna kontinwament fit-triq ’il quddiem. Biex nagħtu prova li għadna miftuħin għan-negozju. Għall-ideat. Għal modi ġodda kif nindirizzaw problemi antiki. Hekk biss nistgħu nikkonfrontaw lil min hu ċiniku u negħlbu lil dawk li jridu jaraw lil Ewropa tfalli.”
Ewropa aktar intelliġenti
“Ewropa aktar intelliġenti hi waħda li tirrikonoxxi li l-libertajiet individwali u l-qafas tas-sigurtà soċjali tagħna jiddependu fuq il-kompetittività tagħna. Waħda fejn idea tista’ tinbidel f’negozju, fejn issib investiment, fejn wieħed jista’ jfalli u jerġa’ jibda mill-ġdid. Fejn start-ups jistgħu jikbru bla xkiel. Fejn il-burokrazija titnaqqas drastikament – anke f’affarijiet żgħar bħal sigurtà fit-toroq mingħajr ma tikkomplika l-ħajja tan-nies.”
Appellat sabiex l-Ewropa tqum għal din l-isfida u “tagħti l-ispazju meħtieġ lill-impriżi, lir-riċerkaturi, lill-inġiniera, lill-programmaturi u lill-inventuri biex jikkompetu, jinnovaw u jmexxu.”
Dwar il-ħtieġa li nirrazzjonalizzaw u nnaqqsu r-regolamenti, qalet: “L-aġenda ta’ semplifikazzjoni tal-Ewropa trid tkun sinjal tal-bidu ta’ Ewropa ġdida u, bl-MFF li jmiss, twassal għal qawmien ekonomiku.”
Il-President Metsola sostniet li dan il-Parlament Ewropew hu fundamentalment differenti minn dak tal-2019: “Irriformajna, mexjin aktar malajr mingħajr ma naqqasna l-obbligi ta’ skrutinju u leġiżlazzjoni tagħna. Għalhekk il-MPE qed jistaqsu dwar tentattivi biex jitnaqqas l-involviment tal-Parlament Ewropew fuq kwistjonijiet kruċjali u spiss diviżivi. L-Ewropa bla niesha ma tfisser xejn. Li tuża l-Artikolu 122 mit-Trattat mhix Ewropa aktar intelliġenti – hija l-oppost. Dejjem se ninsistu fuq it-tisħiħ tad-dritt tal-inizjattiva tal-Parlament.”
Ewropa aktar b’saħħitha
“Ewropa b’saħħitha hija Ewropa li tħares ’il barra u tfittex l-opportunitajiet.” Meta tkellmet dwar il-kummerċ mal-Istati Uniti, Metsola qalet: “Ftehim komprensiv għandu jkun l-għan finali tan-negozjati mal-Istati Uniti. Ma teżistix alleanza akbar, laqgħa ta’ mħuħ demokratiċi iktar b’saħħitha fl-istorja moderna li ħolqot tant prosperità u affettwat tant ħajjiet. Irridu nibqgħu nibnu fuqha u nsaħħuha, filwaqt li nibqgħu lesti għal kull xenarju.”
“L-adattament irid ifisser li m’aħniex se nibżgħu mill-benefiċċji ta’ relazzjoni ġdida u aktar mill-qrib mhux biss mal-Istati Uniti, imma wkoll mal-Kanada u mar-Renju Unit. Iva, Brexit għadu jfisser Brexit. Iva, ir-realtajiet ġeografiċi huma dak li huma. Imma żminijiet straordinarji jeħtieġu mumenti straordinarji u rridu noħorġu miz-zona tal-komfort tradizzjonali tagħna. Żgur li sħubija strateġika b’saħħitha mar-Renju Unit se tkun ta’ benefiċċju għal kulħadd u ssaħħaħ il-kooperazzjoni transatlantika.”
Ewropa aktar sigura
Dwar id-difiża, Metsola qalet: “Li nonfqu aktar fuq id-difiża u s-sigurtà huwa l-ewwel pass. Imma li sempliċiment ninvestu aktar mhux biżżejjed. Li ngħaqqdu flimkien l-industriji tad-difiża tagħna huwa l-pass intelliġenti li jmiss. Dan ifisser li nsibu sinerġiji bejn il-politiki nazzjonali tas-sigurtà, imma fuq kollox ifisser li nirreżistu t-tentazzjoni ta’ soluzzjonijiet qosra biex minflok nibnu approċċ strateġiku fit-tul.”
“Kull Stat Membru issa jifhem li jekk l-Ewropa trid tikkontrolla d-destin tagħha, trid tkun kapaċi topera f’dinja li saret aktar perikoluża u instabbli minn qatt qabel. Irridu nkunu lesti hekk kif nirdoppjaw l-isforzi tagħna għall-paċi u fl-appoġġ kontinwu tagħna lill-Ukrajna. Dan kien il-messaġġ simboliku tant importanti li wasslu l-President Macron, il-Kanċillier Merz, il-Prim Ministru Tusk u l-Prim Ministru Starmer bil-viżita tagħhom fl-Ukrajna fl-okkażjoni tal-Jum tal-Ewropa.”
Il-President temmet b’messaġġ pożittiv, u qalet li “L-Ewropa għadha l-akbar proġett politiku fl-istorja. Għadha l-aqwa post fid-dinja fejn wieħed jgħix u jibda familja. Għandna l-kapaċità, it-talent, il-kapital, in-nies u l-innovaturi – biex nimexxu u nġeddu.”