‘Sa tlett ijiem qabel, nhar il-Milied, żar it-tfal f’Rainbow Ward’
“Ma kellux Ħdud u festi. Ħajtu kienet il-kura tat-tfal morda bil-kanċer, l-isport u l-familja. Sa tlett ijiem qabel l-inċident, nhar il-Milied, ġie jżur il-pazjenti tfal fir-Rainbow Ward, fl-Isptar tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo.”
Hekk kien deskritt it-tabib Victor Calvagna, minn kelliema ta’ Puttinu Cares – l-organizzazzjoni mhux governattiva imwaqqfa minnu fl-2002 bl-iskop li toffri għajnuna lill-familji ta’ tfal morda bil-kanċer.
It-tabib Calvagna miet nhar it-Tlieta li għadda fl-età ta’ 63 sena b’riżultat tal-ġrieħi gravi li ġarrab nhar it-28 ta’ Diċembru meta ntlaqat minn karozza waqt li kien qed jiġri fil-Qawra.
Hu jibqa’ mfakkar bħala l-pijunier fil-kura tal-kanċer fit-tfal u kien l-ewwel konsulent Malti f’dan il-qasam. Il-ħidma u l-impenn tiegħu wasslu biex wara numru ta’ snin ir-rata ta’ fejqan fost it-tfal għoliet għal 80%. Sa mit-twaqqif ta’ Puttinu Cares fl-2002, mijiet ta’ tfal gawdew mill-għajnuna li din l-organizzazzjoni toffri, fosthom appoġġ għal dawk il-pazjenti tfal u l-familji tagħhom li jkollhom bżonn ta’ kura fir-Renju Unit.
It-tabib Calvagna kien ukoll iħobb l-isport. Fl-aħħar maratona Xterra ġie l-ewwel, u l-midalja iddedikaha lit-tfajjel Jake Curmi, li miet ftit jiem biss qabel l-inċident li sewa l-ħajja tal-President ta’ Puttinu Cares.
Kelliema għall-Puttinu Cares qalet lil Voice of the Workers Weekly li t-Tabib Calvagna kien jispikka għad-dedikazzjoni u l-umiltà li kellu. “Għallimna kif inkunu ta’ servizz għall-oħrajn mingħajr ma nistennew xejn lura. Kien bniedem ta’ eżempju bil-valuri li kien iħaddan,” hi qalet.
“Suppost kellu jirtira bl-età s-sena li għaddiet meta għalaq 63 sena, imma kien għad fadal il-bżonn tat-tmexxija u l-pariri tiegħu,” il-kelliema kompliet.
Victor Calvagna li twieled fit-22 ta’ Marzu tal-1958. Fl-2010, ġie onorat f’Jum ir-Repubblika għas-servizzi tiegħu.
F’Awwissu 2021, Calvagna inħatar president onorarju tal-klabb tal-futbol Fgura United, li kien jgħin lil Puttinu Cares fil-ġbir tal-fondi b’maratoni tal-futbol ta’ kull sena.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ UHM Voice of the Workers Josef Vella, ingħaqad mal-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż li esprimew is-sogħba tagħhom għal din it-telfa ta’ dan il-konsulent mediku li tant għamel ġid matul is-snin.
“Żgur li l-legat tat-Tabib Calvagna ma spiċċax fil-mument li ħa l-aħħar nifs tiegħu imma se jibqa’ ħaj f’qalb dawk il-mijiet ta’ tfal u familji li gawdew u se jibqgħu igawdu mill-għajnuna fejjieda li toffri Puttinu Cares,” Vella sostna.