Is-sena l-oħra, il-kelma “vaċċin” kienet fuq quddiem fil-lista tal-aktar kliem imfittxija fuq id-dizzjunarju online Merriam-Webster. Kif mistenni fl-2020 il-kelma tas-sena kienet “pandemija”. Allura, x’għandna nistennew fit-12-il xahar li ġejjin?

Bħal dan iż-żmien sena id-dinja, mhux l-inqas Malta, laqgħet il-vaċċin tal-Covid-19 bħala l-messija. Miegħu kibret l-istennija għal xi tip ta’ ritorn għan-normalità li xi minn daqqiet kienet akkumpanjata minn tbassir ottimist iżżejjed minn politiċi li kienu ħerqana li jpoġġu l-pandemija warajhom. Dak iż-żmien l-awtoritajiet tas-saħħa qalulna wkoll li anke doża waħda tagħmel mirakli, għalkemm kien spjegat ukoll li biex tinkiseb protezzjoni massima, kien hemm bżonn it-tieni doża. Madankollu, hekk kif għaddew ix-xhur, l-inċertezza bdiet tgħolli rasha għal darb’oħra meta tfaċċa l-varjant delta. Hekk kif l-ottimiżmu naqas u l-infezzjonijiet bdew jogħlew, ġie deċiż li jingħata l-booster. Inizjalment, kien biss għall-anzjani u l-persuni vulnerabbli, iżda eventwalment it-tielet doża bdiet tingħata lil kulħadd.

Il-varjant omicron ta daqqa ta’ ħarta oħra hekk kif il-virus beda jinfirex b’rati bla preċedent. F’Malta, ’l fuq minn 5,000 każ ġdid kienu rappurtati madwar il-Milied. Fortunatament, dan il-varjant ġdid ma jidhirx li huwa fatali daqs id-delta. Madankollu, ir-rata dawk li kellhom bżonn kura l-isptar żdiedet kif ukoll in-numru ta’ mwiet.

Jogħġobna jew ma jogħġobniex kellna naddattaw għal din il-pandemija. Dawk li ma għamlux dan, għamluh a skapitu tagħhom. Iżda mhux kulħadd irnexxielu jadatta. Hija realtà, pereżempju, li l-problemi tas-saħħa mentali kibru fl-aħħar sentejn. Illum l-awtoritajiet jaħsbuha darbtejn qabel ma jerġgħu jimponu lockdown. Filwaqt li din miżura tajba biex twaqqaf it-tixrid tal-virus fil-perjodu immedjat, ir-riperkussjonijiet fit-tul qed joħorġu biss issa. Minbarra l-aspetti ekonomiċi, iżolament fit-tul irriżulta f’żieda fil-problemi soċjali bħall-vjolenza domestika. It-tfal ukoll, ġarrbu l-piż tal-pandemija peress li t-tagħlim online wera li kien inqas effettiv mill-iskola tradizzjonali. Dan it-tfixkil ħalla ġerħa soċjali u wassal għal riperkussjonijiet negattivi minn perspettiva akkademika hekk kif batiet il-kwalità tat-tagħlim.

L-inċertezza hija l-unika ħaġa li tidher permanenti. L-2022 tippreżentalna aktar tamiet u sfidi. Minn naħa qed jgħidulna li l-booster huwa t-triq ’il quddiem, iżda fl-istess ħin is-sitwazzjoni tibqa’ fluwida ħafna. X’jiġri jekk joħroġ varjant ġdid? Sadanittant, l-ekonomisti u l-gvernijiet qed iħokku rashom hekk kif it-tbassir tagħhom qed itir mar-riħ. Barra minn hekk, il-finanzi qed jixxottaw, li jfisser li aktar ma din il-pandemija ittawwal, il-livelli tad-dejn jibqgħu jogħlew filwaqt li l-fondi disponibbli biex tingħata l-għajnuna jonqsu.

L-2022 x’aktarx se tibqa’ mfakkar bħala s-sena tal-“booster” jekk mhux “boosters“. Ħaġa waħda hija ċerta. Irridu nkomplu nitgħallmu ngħixu bl-inċertezza u namministrawha b’mod pragmatiku. Barra minn hekk, l-awtoritajiet għandhom jippreżentaw il-fatti kollha, imexxu bl-eżempju u jżommu mal-pariri xjentifiċi. Kien hemm wisq każijiet ta’ fejn kien hemm inkonsistenza fl-infurzar. Nistgħu nirbħu din il-gwerra biss jekk nibqgħu flimkien u niġbdu ħabel wieħed.

Sfortunatament, l-esperjenza riċenti bħad-deċiżjoni li jiġi pospost il-ftuħ tal-iskejjel u ċ-childcare centres ma tawgurax tajjeb. Ma saret l-ebda konsultazzjoni ma’ min iħaddem jew mal-unions ]lied dak tal-għalliema b’riżultat li ħaddiem li ma kellhom lil ħadd biex jieħu ħsieb lil uliedhom spiċċaw daharhom mal-ħajt. Konsegwentement, l-impjegati se jkunu sfurzati jieħdu l-leave. Agħar minn hekk min se jerfa’ r-responsabbiltà jekk il-leave jiġi rrifjutat? Dan huwa l-kuntest li fih il-UHM Voice of the Workers ħarġet direttiva lill-ġenituri li jaħdmu, li biha jekk ħadd minnhom ma jkun f’pożizzjoni li jieħu ħsieb lil uliedhom (sa 12-il sena) wieħed minnhom għandu jingħata xogħol li jista jsir mid-dar sakemm tinstab soluzzjoni oħra.