Kull tip ta’ liġi li għad trid tidħol biex tħares dak li hu magħruf bħala right to disconnect għandha tkun waħda ċara, iżda fl-istess ħin tkun flessibbli biex tħares il-ħaddiema mingħajr ma tolqot il-livelli ta’ produttività.

Il-kap eżekuttiv tal-UHM Voice of the Workers Josef Vella qal dan fl-ewwel reazzjoni għall-vot storiku li ttieħed il-ġimgħa li għaddiet fil-Parlament Ewropew li sejjaħ għal direttiva Ewropea dwar dan id-dritt. Dan il-pass għandu jixpruna lill-gvernijiet fl-istati membri tal-UE biex jieħdu l-inizjattiva minn jeddhom billi jadottaw il-liġijiet meħtieġa.

“Għandu jkun hemm liġi soda u ċara li ma tagħtix lok għal interpretazzjonijiet varji, filwaqt li l-unions għandhom ikunu flessibbli sabiex dan ikun implimentat meta jkun negozjat ftehim kollettiv. Madankollu, ikun żball jekk kulħadd jitpoġġa fl-istess keffa. L-unions għandhom dmir li jadattaw il-liġi b’mod li ma jkollux impatt fuq il-livelli ta’ produttività iżda b’rispett sħiħ lejn dan id-dritt,”qal Vella f’kummenti lil Voice of the Workers Weekly.

Il-kunċett dwar dan id-dritt twieled madwar 20 sena ilu fi Franza mal-introduzzjoni tal-mezzi ġodda ta’ komunikazzjoni bħal emails, internet u telefonija ċellulari. L-iżvolta seħħet fl-2001 meta qorti Franċiża iddeċidiet li ħaddiem m’għandu l-ebda obbligu li jaċċetta li jaħdem id-dar u lanqas li jġib il-files u l-għodda tax-xogħol tiegħu. Fl-2004 il-Qorti Suprema ikkonfermat din id-deċiżjoni u iddeċidiet li l-fatt li l-impjegat ma kienx jista’ jintlaħaq fuq il-mowbajl tiegħu wara l-ħin tax-xogħol ma jistax jitqies bħala xi nuqqas. Madankollu, kien biss bil-miġja tat-telework li kiber l-għarfien dwar dan id-dritt. Madwar l-2010, il-kwistjoni telgħet fil-livell tal-UE fost pressjoni mill-Konfederazzjoni Ewropea tat-Tradeunions.

“Li tkun kontinwament konxju tal-emails li deħlin wara l-ħin tax-xogħol joħloq ċertu tensjoni jekk mhux biża’ li f’każ li ma titteħidx azzjoni meta tkun id-dar jista’ jwassal għal konsegwenzi. Ir-riċerka ikkonfermat ċirkostanzi bħal dawn joħolqu inkwiet lill-ħaddiema li ma jkunux jistgħu igawdu l-ħin liberu tagħhom,” irrimarka l-kap eżekuttiv tal-UHM.

Vella iddeskriva l-vot tal-Parlament Ewropew bħala pass kbir ’il quddiem iżda fl-istess ħin qal li dan kien biss il-bidu. Huwa sejjaħ għal rispons qawwi mill-UE f’dan il-mument delikat.

“L-esperjenza turi li anke meta jkun hemm intenzjonijiet tajbin ir-riżultat jista’ ma jkunx dak mixtieq. Fl-aħħar snin l-UE għaddiet minn żmien ta’ taqlib u din hi opportunità tad-deheb biex tibgħat messaġġ li hi istituzzjoni qawwija fil-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema,” huwa qal.

Min-naħa l-oħra, il-gvern m’għandux ikaxkar saqajh fuq din il-kwistjoni u għandu jieħu l-inizjattiva permezz tal-Bord tar-Relazzjonijiet dwar l-Impjiegi biex jilleġiżla favur dan id-dritt. F’dan ir-rigward Vella qal li l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol għandha tkun involuta fid-diskussjonijiet billi din il-kwistjoni taqa’ fil-kompetenza tagħha.

“Sfortunatament, kien hemm każijiet fejn l-impjegati ħabbtu wiċċhom ma’ azzjoni dixxiplinarja dwar komunikazzjoni riċevuta wara l-ħin tax-xogħol. Hu dritt fundamentali tal-ħaddiema li jgawdu l-ħin liberu tagħhom u r-riċerka turi li meta dan ma jseħħx il-produttività tagħhom tmur lura,” qal Vella.