Bin-numru ta’ ħaddiema barranin jitilgħu għal kważi 70,000 li jammontaw għal ftit inqas minn terz tas-suq tax-xogħol, il-Ministru tal-Finanzi u l-Impjiegi Clyde Caruana staqsa jekk wasalx iż-żmien għall-kwoti biex ikun limitat id-dħul ta’ ħaddiema minn  pajjiżi terzi (barra l-UE).

Il-possibbiltà li kienet esplorata matul konferenza tal-aħbarijiet li fiha kienet imnedija konsultazzjoni pubblika dwar politika ġdida għall-impjiegi għas-seba’ snin li ġejjin,  tista’ timmarka bidla fil-politika ekonomika tal-gvern.  Minn meta l-Partit Laburista kien elett fil-gvern fl-2013 huwa stmat li 67,500 ħaddiem barrani daħlu fis-suq tax-xogħol Malti.

Caruana li serva bħala Kap Eżekuttiv ta’ JobsPlus bejn l-2013 u l-2019 kien il-promotur ewlieni ta’ politika bħal din. Filwaqt li l-gvern insista li l-ħaddiema barranin kienu kruċjali għat-tkabbir ekonomiku robust irreġistrat fl-aħħar snin, dan wassal ukoll għal tħassib dwar cheap labour, prekarjat u pressjoni biex jonqsu l-pagi tal-Maltin. Il-UHM Voice of the Workers ilha twissi dwar dan għal bosta snin, fost xejriet inkwetanti li kien hemm pressjoni ’l isfel fuq il-pagi.

Il-possibbiltà ta’ kwoti għal ħaddiema ta’ pajjiżi terzi kienet diskussa waqt business breakfast dwar din il-politika ġdida li hi ppjanata li tiġi mnedija għall-Baġit 2022.

Il-gvern issa qed jammetti li l-“pressjoni ’l isfel li huma [ċittadini ta’ pajjiżi terzi] jagħmlu fuq is-salarji” hija waħda mill-isfidi ewlenin li din il-politika l-ġdida għandha tindirizza. Barra minn hekk, l-impatt li ħaddiema mhux mill-UE qed ikollhom fuq l-infrastruttura tal-pajjiż bħall-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa, huwa wkoll fost it-12-il kwistjoni ewlenija li jeħtieġu attenzjoni.

“Wasal iż-żmien li ndaħħlu kwoti għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi? Wasal iż-żmien, li l-permessi tax-xogħol jinħarġu biss għal ċerti setturi ekonomiċi jew f’ċerti livell ta’ pagi biss? Wasal iż-żmien li l-permessi tax-xogħol jinħarġu biss jekk min iħaddem ikollu numru minimu ta’ impjegati Maltin? ” Caruana staqsa.

Il-ministru tal-finanzi saħaq li kien semma dawn ix-xenarji biex jistimula d-dibattitu fost l-imsieħba soċjali.

“Irridu nibqgħu kompetittivi imma li ma nagħmlu xejn mhix għażla,” wissa Caruana.

Fid-diskors tiegħu irrikonoxxa li l-akbar sfida ta’ Malta kienet in-numru għoli ta’ ħaddiema li għandhom biss ħiliet bażiċi li jammontaw għal 36% tal-ħaddiema Maltin, li hija iktar mid-doppju tal-medja tal-UE. Din hi r-raġuni li jrid isir sforz akbar biex is-sistema edukattiva toffri aktar taħriġ, huwa qal.

Id-dokument ta’ konsultazzjoni jelenka l-indikaturi ekonomiċi ewlenin bejn l-2013 u l-2019, qabel il-bidu tal-pandemija Covid-19. Dawn jinkludu ż-żieda ta’ persuni fis-suq tax-xogħol li telgħu minn 178,241 għal 258,064.

Tnaqqis fil-kwalità tal-ħajja

Matul id-dibattitu, il-Kap Eżekuttiv tal-UHM Voice of the Workers, Josef Vella, faħħar lill-gvern għas-suċċessi miksuba permezz tal-active labour market policy li tagħha l-union kienet il-promotur ewlieni. Madankollu, esprima tħassib li ħafna familji ma kinux qed ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja, minkejja li ż-żewġ ġenituri kellhom impjieg full-time.

“Il-ġenituri qed ikollhom inqas ħin għall-familja tagħhom, sal-punt li ċertu qadi bħal ma huma x-xirja mis-supermarket qed isiru l-Ħadd. Dan qed iħalli impatt negattiv fuq il-kwalità tal-ħajja tagħhom u din il-politika għandha tindirizza din il-kwistjoni li hija s-sors ta’ pressjoni psiko-soċjali għal eluf ta’ ħaddiema, ”qal Vella.