Oliver Scicluna li dan l-aħħar irriżenja minn Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità biex jieħu postu bħala Deputat Parlamentari tal-gvern, stqarr li  qatt ma kellu ħsieb li jidħol fil-politika, iżda ħass li ma setax jirrifjuta l-offerta tal-Prim Ministru biex ikun co-opted.

Id-deputat il-ġdid qal dan f’intervista ma’ Voice of the Workers Weekly dwar  l-isfida li se jkollu, issa li ħa r-rwol ta’ leġiżlatur.

“Dejjem bqajt ’il bogħod mid-diskors u l-ideoloġija politika partiġjana għax għalija l-politika trid tkun għodda biex tkun il-vuċi tar-raġuni biex titjieb il-ħajja tas-soċjetà. Aċċettajt din is-sejħa għax kienet opportunità unika. Jew issa jew qatt,” irrimarka d-deputat parlamentari sostna.

Scicluna innota li hekk kif ħarġet l-aħbar persuni nies setturi differenti bi twemmin politiku differenti diġà esprimew fiduċja ġenwina fih għalkemm “għadu mhux elett b’mod demokratiku”.

“Fil-passat inkoraġġejt persuni b’diżabilità biex jidħlu fil-ħajja pubblika biex inżid iċ-ċans li jkollna Kamra tad-Deputati aktar rappreżentattiva. Għalhekk irrid nuża din l-opportunità biex inħeġġeġ aktar persuni b’diżabilità, inklużi nisa b’diżabilità biex jidħlu fil-politika. Ninsab ċert li b’dan il-mod inkunu nistgħu nġibu bidla vera,” irrimarka Scicluna.

Mistoqsi dwar l-ostakli li jiffaċċjaw il-persuni b’diżabilità meta jkunu qed ifittxu li jidħlu fis-suq tax-xogħol, id-deputat parlamentari qal li fl-aħħar xhur tiegħu fit-tmun, il-Kummissjoni kienet wettqet riċerka dwar dan l-aspett.

“Permezz ta’ din ir-riċerka stajna noħorġu b’linji gwida speċifiċi għal min iħaddem billi nemmnu li wieħed mill-oqsma li għandna nindirizzaw huwa l-appoġġ għax-xogħol lil min iħaddem biex ikunu jistgħu jakkomodaw persuni differenti b’diżabilità fuq ix-xogħol. Dawn il-linji gwida se jiġu pubblikati fil-ġimgħat jew ix-xhur li ġejjin,” żied jgħid.

Scicluna irrefera wkoll għal qgħad fit-tul fost persuni b’diżabilità u qal li dan irid ikun indirizzat b’diversi modi fosthom bl-introduzzjoni ta’ intrapriżi soċjali.

“Irridu niftakru li l-introduzzjoni tal-kwota ta ‘2% kienet ħasdet il-frott peress li ħafna persuni b’diżabilità rnexxielhom jidħlu fis-suq tax-xogħol minn meta ġie infurzat l-Att dwar l-Impjiegi (persuni b’diżabilità),” irrimarka l-MP.

Scicluna faħħar ix-xogħol magħmul mill-aġenzija Sapport li toffri servizzi fil-komunità biex persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jgħixu stil ta’ ħajja indipendenti. “Hemm lok għal titjib, speċjalment fil-mentalità li niżguraw li persuni b’diżabilità jingħataw l-appoġġ neċessarju biex jgħixu fil-komunità, akkomodazzjoni raġonevoli u li ma jagħżlux li jidħlu fl-istituzzjonijiet. Żgur li se nagħmel l-almu tiegħi biex inħeġġeġ għal aktar tisħiħ tas-servizzi tal-komunità u l-bidu għal strateġija biex kemm jista’ nkun persuni b’diżabilità ma jkollhomx imorru f’istituzzjonijiet f’Malta u Għawdex,” huwa qal.

Id-deputat tal-gvern wiegħed li kien se jżomm mal-viżjoni li kellu meta kien fit-tmexxija tal-Kummissjoni bl-iskop li  persuni b’diżabilità jkunu empowered jgħixu ħajja indipendenti.

“Il-ħolma li se naħdem għaliha hija li xi darba ma jkollniex għalfejn niġġieldu aktar għad-drittijiet bażiċi tagħna billi dawn jiġu rispettati b’mod naturali. Sakemm jasal dak il-jum, nibqa’ kommess lejn il-moviment tad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità,” qal Scicluna.