Kien hemm żmien meta fis-sajf is-sewqan fil-qilla tax-xemx ta’ wara nofsinhar kienet b’xi mod esperjenza rilassanti minkejja li ma kellniex arja kondizzjonata. Dan għas-sempliċi raġuni li t-toroq kienu vojta. Kien żmien t-traffiku kien jieqaf u l-maġġoranza tal-poplu  tgawdi siesta wara nofsinhar, jew tqatta’ xi sigħat għall-kwiet quddiem il-baħar.

Din kienet ir-realtà ta’ Malta sal-bidu tas-seklu meta l-ħajja bdiet dik li ħafna jibżgħu li kienet bidla irriversibbli. Dan kollu kien sar bħala parti minn pjan ta’ ristrutturar biex pajjiżna jattira aktar turisti u tingħata spinta lit-tkabbir ekonomiku.

Aktar minn 20 sena wara, qed nirrealizzaw li dan it-tkabbir kien prinċipalment fin-numri, fil-konsum u fil-livelli ta’ stress.

Qatt staqsejtu lilkom infuskom kemm-il darba mortu l-baħar dan is-sajf? U jekk jirnexxilek tagħmel dan, x’inhuma l-possibilitajiet li ssib post għalll-kwiet? Kemm hu possibbli li tieħu miegħek is-siġġijiet u l-umbrella tiegħek, mingħajr ma tispiċċa f’xi argument ma’ dawk li għandhom permess (suppost) li jikru umbrelel u affarijiet oħra ta’ quddiem il-baħar u li tali permess jidher li qed joħnoq l-ispazju pubbliku fil-bajjiet?

Fuq kollox, x’hemm iktar frustranti milli jkollok tqatta’ sigħat mwaħħal fit-traffiku l-Ħadd filgħaxija sal-punt li meta fl-aħħar tasal id-dar tħossok għajjien u aktar minn qatt qabel. Sfortunatament, wasalna fi stadju li fejn sirt taqta’ qalbek toħroġ għax flok tirrilassa timtela bin-nervi. Il-qtugħ fil-provvista tal-elettriku u l-kriżi tal-ġbir tal-iskart komplew jiggravaw is-sitwazzjoni ta’ dan is-sajf.

Dan kollu mhux qed jintqal sempliċiment bħala nostalġija tal-passat. Qed jintqal għax hu dak li qed iħoss kull min m’għandux il-mezzi biex igawdi s-sajf barra minn Malta f’xi kumpless lussuż jew li jmur fuq il-jott

L-għeruq tal-problemi huma kemm iż-żieda qawwija fil-popolazzjoni bħala riżultat tad-dipendenza dejjem tikber fuq cheap labour minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi, kif ukoll l-industrija tat-turiżmu ibbażata primarjament fuq in-numri. Iffaċċjat minn riskju serju li l-infrastruttura ta’ Malta tista’ tikkollassa taħt il-piż kbir ta’ dawn in-numri, il-gvern jista’ jkun qed jiġi f’sensih. Il-Ministru tal-Intern Byron Camilleri kien rappurtat qal li l-gvern imbarka fuq sensiela ta’ miżuri biex jillimita d-dħul ta’ ħaddiema minn pajjiżi terzi. Wara kollox, b’differenza għaċ-ċittadini tal-UE, Malta għandha d-dritt li tikkontrolla l-fruntieri tagħha fil-każ ta’ dawn il-ħaddiema. Għalhekk, għad hemm ċans li nibdlu r-rotta. Sal-lum madankollu, tali dikjarazzjoni jeħtieġ li tkun segwita b’azzjoni.

Intant, il-gvern qed jibgħat messaġġi konfliġġenti. Dan is-sentiment joħroġ minn ċerti esponenti tal-gvern li donnhom mhux qed jammettu li hawn ċertu problemi filwaqt li jiġġustifikaw l-istatus billi jistrieħu fuq l-istatistika tat-tkabbir ekonomiku. Il-kejl tas-suċċess, madankollu, m’għandux ikun biss eżerċizzju matematiku iżda wieħed li jqis il-kwalità tal-ħajja, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, is-saħħa tal-pagi u li jkollok stil ta’ ħajja b’saħħtu. Kieku dawn kellhom ikunu l-indikaturi tat-tkabbir ekonomiku, l-istampa ġenerali tkun pjuttost differenti. Huwa għalhekk li rridu nwarrbu t-titli superfiċjali bbażati fuq ċifri, u nieħdu stampa tar-realtà permezz ta’ kejl aktar bir-reqqa.