850 student tal-MCAST qed jitilqu fl-ewwel sena
Studenti f’korsijiet bl-apprentistat qed ibatu biex isibu placement
Madwar 850 student full-time fl-MCAST qed jitilqu mill-kors fl-ewwel sena, filwaqt li numru mhux speċifikat ta’ studenti li hu mifhum li jammonta għal mijiet, li jsegwu kors ibbażat fuq l-apprendistat, qed ibatu biex isibu placement minkejja nuqqas qawwi ta’ ħaddiema tas-sengħa. Jirriżulta wkoll li xi drabi min iħaddem qed imur għall-eħfef triq jiġifieri jimpjega barranin x’aktarx bic-cheap labour, flok idaħħlu apprentisti li jkunu jridu jibdew karriera f’xi sengħa partikolari.
Statistika uffiċjali miksuba mill-Voice of the Workers Weekly turi li fl-aħħar sentejn in-numru ta’ dawk li bdew kors fuq bażi full-time iżda ma komplewx kien ta’ 1,720 (853 matul l-2021-22 u 867 matul l-2022-23). Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet dawn l-istudenti tkeċċew minħabba assenteiżmu għoli jew għax qatt ma tfaċċaw. Jirriżulta wkoll li fl-aħħar sentejn kien hemm 1,091 każ bħal dan. Il-bqija tal-maġġoranza tal-każi li ma komplex is-sena kienu studenti li rriżenjaw minn jeddhom li kienu jammontaw għal 488, filwaqt li 141 oħra tneħħew fil-bidu nett tas-sena peress li m’attendewx.
Għalkemm m’hemm l-ebda studju dwar ir-raġuni li wasslet biex dawn l-istudenti ma jkomplux, dawkc li irriżenjaw ġew mitluba jispjegaw ir-raġuni għad-deċiżjoni tagħhom. Mit-tweġibiet irriżulta li 11% biss telqu peress li sabu xogħol filwaqt li 31% iġġustifikaw lilhom infushom għax qalu li l-kors ma laħaqx l-aspettattivi tagħhom jew kien tqil wisq. Madankollu, 48% ta’ dawk li rriżenjaw ma taw l-ebda raġuni.
Problemi ta’ placement għall-korsijiet ibbażati fuq l-apprentistat
Problema ewlenija oħra fl-edukazzjoni vokazzjonali f’Malta għandha x’taqsam ma’ korsijiet full-time ibbażati fuq l-apprentistat li huma offruti f’sitt istituti. F’Novembru 2022, kien hemm 2,050 student f’din il-kategorija. Statistika uffiċjali tal-MCAST turi li fl-1 ta’ Lulju 2022, ir-rata ta’ dawk li kienu sabu placement (employer li lest iħaddem dan l-istudent biex ikollu esperjenza diretta fuq il-post tax-xogħol ) varjat bejn 47% u 80% fis-sitt istituti rispettivament. Sena wara, fil-5 ta’ Lulju 2023 ir-rati rispettivi kienu tbaxxew b’mod sinifikanti u varjaw bejn 25% u 66%. Madankollu, dawn iċ-ċifri jistgħu jvarjaw matul is-sena akkademika peress li l-istudenti iridu jilħqu ċertu livell biex ikunu eliġibbli għall-apprendistat. Fatturi oħra huma x’tip ta’ kors ikunu fih u l-kalendarju tal-kurrikulu.
Dan il-portal talab in-numri attwali u mhux biss il-perċentwali iżda għal xi raġuni l-MCAST irrifjuta u insista li “nippreferu nżommu mal-perċentwali għax in-numri jistgħu ikunu interpretati ħażin”. Madankollu, meta wieħed iqis li hemm ’il fuq minn 2,000 student huma rreġistrati f’korsijiet ibbażati fuq l-apprendistat u l-perċentwali kkwotati, nifhmu li dawn jammontaw għal mijiet ta’ studenti.
Mistoqsi dwar id-diffikultajiet li qed jiffaċċjaw biex jinstab placement, kelliem tal-MCAST semma nuqqas ta’ sforz minn xi studenti u oħrajn li jkunu selettivi ħafna meta jiġu ppreżentati b ’opportunità fosthom li jinsistu li jkunu jrridu jmorru biss f’post partikolari. Hemm ukoll każijiet fejn l-isponsors (min iħaddem) iqisu lill-istudenti mhux ippreparati, ma jkunux ħerqana li jipparteċipaw fl-iskema tal-apprendistat jew lanqas biss ikunu jafu biha.
Drabi oħra min iħaddem ma jkunx infurmat dwar l-inċentivi u r-riżorsi disponibbli fir-rigward tas-sistemi ta’ apprendistat tal-MCAST minkejja li jsiru laqgħat regolari magħhom (one-on-one u bħala grupp) bil-għan li jispjegaw il-proċeduri u r-regolamenti ta’ reklutaġġ, il-kelliem tal-MCAST qal.
Madankollu, l-akbar tħassib huwa li xi employers (sponsors) qed iqisu proċess tal-apprentistat bħala burokratiku wisq u jirrikorru għar-reklutaġġ ta’ ħaddiema barranin li ħafna drabi jkun biċ-cheap labour. Madankollu, dan qed inaqqas iċ-ċansijiet ta’ xogħol ta’ studenti Maltin li jkunu jixtiequ jispeċjalizzaw f’ċerti snajja’. Barra minn hekk qed jimmina l-isforzi li qed isiru biex jiġu indirizzati ċerti nuqqasijiet fis-suq tax-xogħol Malti, li ironikament jilmentaw dwarhom l-employers stess.
Iffaċċjat b’dawn l-isfidi l-MCAST qed ifittex li jippromwovi s-snajja’ u jiġġieled il-perċezzjoni żbaljata li ċertu xogħolijiet għandhom status inqas minn oħrajn. Fl-isfond tal-fatt li aktar minn kwart ta’ dawk li qed joqogħdu għas-SEC mhux qed jilħqu l-livell mistenni, wasal iż-żmien li s-snajja’ f’pajjiżna tingħata l-prestiġju li jixirqilha u issir attraenti anki mil-lat finanzjarju, il-kelliem tal-MCAST sostna.