In-numru ta’ binjiet ġodda madwar il-Gżejjer Maltin li qed jinxtraw naqas għall-inqas livell f’75 sena, minħabba ż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-proprjetà li qed twassal biex minflok dawn il-postijiet qed jinkrew.

Statistika ppubblikata fit-tieni volum taċ-Ċensiment tal-2021, turi li mill-2016  ’il quddiem in-numru ta’ d-djar jew appartementi li nbnew ġodda u li nxtraw naqsu għal 57.1% tat-total. Dan ifisser li 38.3% ma kellhomx il-mezzi finanzjarji li jixtru proprjetà iżda kellhom li jikru, l-aktar fuq bażi furnished. Il-bqija kienu jinkludu 3.9% tal-propjetajiet b’ċens, u persentaġġ żgħir qalu li jgħixu fi proprjetà u ma jħallsu xejn.

Jirriżulta li mill-2016 ‘il quddiem inbnew 55,572 residenza li minnhom 33,902 inxtraw filwaqt li 21,257 qed jinkrew.

B’kuntrast ma’ dan fil-ħames snin bejn l-2011 u l-2015, ir-rata rispettiva ta’ binjiet residenzjali mibnija ġodda li kienu nxtraw kienet ta’ 62% – li kien ukoll tnaqqis sinifikanti mill-għaxar snin ta’ qabel (2001-2010) meta76.8% tal-binijet ġodda kienu nxtraw.

Iċ-Ċensiment tal-2021 wera xejra pjuttost inkwetanti fir-rata ta’ dawk li huma sidien ta’ darhom għax ħareġ li din ilha tonqos mis-snin tmenin meta kienet laħqet l-ogħla livell tagħha b’78.9% tal-binjiet ġodda. Dan it-tnaqqis kien bil-maqlub tal-proprjetajiet li bdew jinkrew, prinċipalment furnished flats, li żdiedu bil-bosta. Konsegwentement, din l-istatistika tikkonferma b’mod ċar li l-prezz tal-propjetà fil-Gżejjer Maltin sar problema.

Analiżi iktar profonda tindika li l-uniku perjodu li fih ir-rata ta’ affordabbiltà kienet inqas minn dik preżenti kien fil-perjodu ta’ wara l-gwerra bejn l-1946 u l-1960 li kien ikkaratterizzat minn kriżi ekonomika u emigrazzjoni tal-massa. Għalkemm wieħed jista’ jargumenta li s-sitwazzjoni attwali hija kompletament differenti peress li Malta irreġistrat tkabbir ekonomiku b’saħħtu, il-fatt li dan ma wassals f’titjib fl-affordabbiltà tad-djar iqajjem dubji dwar jekk il-ġid li qed jiġi ġġenerat hux qed jinżel fil-livelli kollha tas-soċjetà. .

Iċ-Ċensiment tal-2021 huwa sinifikanti wkoll peress li jikkonferrma it-tkabbir qawwi tal-industrija tal-kostruzzjoni, l-aktar blokki ta’ appartamenti u bini għoli li qed jieħdu post djar xi drabi ta’ ċertu valur arkitettoniku tant li kien hemm każi fejn dan ħassar l-ambjent tipiku tal-bliet u rħula Maltin. Filfatt, in-numru ta’ binjiet ġodda mibnija mill-2016 ’il quddiem hu ikbar minn dawk li nbnew bejn l-2001 u l-2015 jew fi kwalunkwe perjodu ieħor matul l-aħħar mitt sena.