Il-Parlament adotta l-pożizzjoni ta’ negozjar tiegħu dwar il-miżuri l-ġodda biex jissaħħaħ id-dritt għat-tiswija u jitnaqqas l-impatt ambjentali tal-konsum tal-massa.

Il-Parlament adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar “dritt għat-tiswija” aktar b’saħħtu għall-konsumaturi, b’590 vot favur, 15 kontra, u 15-il astensjoni. Il-proposta għandha l-għan li tinkoraġġixxi konsum aktar sostenibbli, billi tiffaċilita t-tiswija ta’ oġġetti difettużi, tnaqqas l-iskart u tappoġġja s-settur tat-tiswija.

Agħżel li ssewwi minflok tixtri, anke wara li tiskadi l-garanzija

Fil-perjodu tal-garanzija legali, il-bejjiegħa se jkunu meħtieġa jagħtu prijorità lit-tiswija jekk din tkun irħas jew daqs l-ispiża biex jinbidel l-oġġett, sakemm it-tiswija ma tkunx ta’ inkonvenjent għall-konsumatur. Il-Membri tal-PE jipproponu wkoll li l-garanzija legali tiġi estiża b’sena ladarba prodott ikun issewwa.

Il-konsumaturi se jkollhom id-dritt jitolbu tiswija għal prodotti bħall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ, vacuum cleaners, smartphones u roti wara li tkun skadiet il-garanzija. Biex it-tiswijiet isiru l-aktar għażla attraenti għall-konsumaturi, il-Membri tal-PE jridu li l-produtturi joffru apparat ta’ sostituzzjoni b’self sakemm l-apparat ikun qiegħed jissewwa. Jekk prodott ma jkunx jista’ jissewwa, minflok jista’ jiġi offrut wieħed rinnovat.

Suq tat-tiswija aktar kompetittiv u inċentivi biex wieħed jagħżel it-tiswija

Il-konsumaturi spiss jaqtgħu qalbhom isewwu minħabba l-ispejjeż għoljin, id-diffikultà biex jaċċessaw is-servizzi tat-tiswija jew minħabba li l-karatteristiċi tad-disinn jipprevjenu t-tiswija. Skont il-pożizzjoni tal-Parlament, il-persuni li jsewwu u dawk li jirrinnovaw fuq bażi indipendenti u l-utenti finali se jkollhom aċċess għall-ispare parts kollha, għall-informazzjoni dwar it-tiswija u għall-għodod bi prezz raġonevoli.

Se jiġu stabbiliti pjattaformi online f’kull Stat Membru, biex jgħinu lill-konsumaturi jsibu nies li jsewwu fil-lokal tagħhom stess (inklużi kafetteriji tat-tiswija) u bejjiegħa ta’ oġġetti rinnovati fiż-żona tagħhom. Biex it-tiswijiet isiru aktar affordabbli u attraenti, il-Membri tal-PE jipproponu li joffru vawċers lill-konsumaturi u inċentivi finanzjarji oħra permezz ta’ fondi nazzjonali tat-tiswija.