Il-familji Maltin mistennija jkomplu jħabbtu wiċċhom mal-kriżi tal-għoli tal-ħajja fl-2024 skont l-aħħar tbassir tal-Kummissjoni Ewropea, li qed tipproġetta li r-rata tal-inflazzjoni lokali tibqa’ għolja b’mod sinifikanti. Minkejja l-fatt li l-gvern Malti se jkun qed jissussidja l-enerġija u l-fjuwil bi spiża ta’ €320 miljun fis-sena, it-tbassir ekonomiku ewropew tal-ħarifa qed jipproġetta li r-rata ta’ inflazzjoni tkun 3.3% is-sena d-dieħla u tinżel marġinalment għal 3.1% fl-2025.Dan meta l-medja tal-UE hi mbassra li tkun ta’ 3.5% u 2.4% rispettivament

Jekk is-settur tal-enerġija jitneħħa mill-kalkoli, iż-żieda fl-għoli tal-ħajja ssir aktar qawwija bi 3.9% is-sena d-dieħla u 3.8% fl-2025. Dan meta l-medja rispettiva tal-UE hija 3.6% u 2.8%. Minn dan it-tbassir jirriżulta wkoll li filwaqt li l-inflazzjoni mistennija tonqos b’mod sinifikanti sal-2025, ix-xenarju f’Malta mhux se jkun daqstant pożittiv hekk kif l-għoli tal-ħajja se jonqos b’ammont żgħir.

Kawża ewlenija għaż-żieda fl-għoli tal-ħajja f’Malta huma l-prezzijiet tal-ikel b’rata ta’ inflazzjoni persistenti li ta’ madwar 9%. Iffaċċjati minn spejjeż li qed jogħlew biex jixtru oġġetti essenzjali, il-familji qed jippruvaw itaffu s-sitwazzjoni billi jiddependu dejjem aktar fuq is-supermarkets, iżda tali għażla ġġib magħha problemi loġistiċi inkluż il-konġestjoni tat-traffiku u inqas ħin liberu. Sfortunatament, dawk li m’għandhomx mezz ta’ trasport m’għandhomx tali għażla sakemm ma jixtrux onlajn. Sadanittant, dawk l-organizzazzjonijiet li joffru platt sħun b’xejn qed jirrappurtaw żidiet sinifikanti fin-numru ta’ persuni li qed ikollhom jiddependu fuq is-servizz tagħhom peress li ma jistgħux ilaħħqu mal-ħajja. Il-Kummissjoni Ewropea innutat li l-konsum privat f’Malta naqas b’riżultat tat-tnaqqis fis-saħħa tal-pagi.

It-Tbassir Ekonomiku tal-Ħarifa qed jipproġetta wkoll li l-qgħad se jibqa’ baxx. Madankollu, ġie espress tħassib li l-pagi se jkunu qed jiżdiedu b’mod modest. Għalkemm dan jista’ jkun sorpriża fil-kuntest taż-żieda rekord ta’ €12.81 fil-ġimgħa għall-għoli tal-ħajja, fil-verità dan mhux se jkun biżżejjed biex iżomm il-pass mal-inflazzjoni. It-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea tal-Ħarifa jpoġġi t-tkabbir fil-pagi f’Malta b’rata ta’ 1.5%, li jagħmilha l-inqas rata fl-Unjoni Ewropea. Sadanittant, it-tkabbir fil-pagi kien l-aktar mgħaġġel f’xi pajjiżi tal-Lvant, u laħaq saħansitra 20.2% fir-Rumanija.

Malta wkoll tinsab fl-inqas post fl-UE f’termini ta’ kumpens reali għal kull impjegat. Il-bidla minn sena għal sena fil-kumpens reali għal kull impjegat kienet fin-negattiv għal -4%.