Fl-aħħar snin bdejna nassistu għal paradoss fis-saħħa pubblika madwar id-dinja. Fuq naħa waħda, bdejna nassistu għal moviment globali li qed jikber biex jipprojbixxi u jiskoraġġixxi l-użu tat-tabakk minħabba l-implikazzjonijiet severi tiegħu għas-saħħa. Min-naħa l-oħra, numru dejjem jikber ta’ ġurisdizzjonijiet qed jillegalizzaw l-użu rikreattiv tal-kannabis, ħafna drabi jinjoraw jew jgħalqu għajnejhom għar-riskji potenzjali assoċjati mat-tipjip ta’ din is-sustanza. Dan il-paradoss iqajjem mistoqsijiet kritiċi dwar il-koerenza u l-konsistenza tal-istrateġija għas-saħħa pubblika. Jista’ jkun li  qed nieħdu pożizzjoni kontradittorja li tikkomprometti s-saħħa tal-komunitajiet tagħna?

Madwar id-dinja  l-gvernijiet għamlu kampanji qawwija kontra l-konsum tat-tabakk, implimentaw regolamenti stretti, u f’xi każijiet, projbizzjonijiet diretti fuq it-tipjip fi spazji pubbliċi. L-iskop wara dawn il-miżuri huwa ċar minħabba r-riskju għas-saħħa: mill-kanċer tal-pulmun għal mard kardjovaskulari. L-isforzi biex jitrażżan l-użu tat-tabakk huma ta’ min ifaħħarhom u jirriflettu impenn għall-ħarsien tas-saħħa taċ-ċittadini.

Min-naħa l-oħra, il-moviment lejn il-legalizzazzjoni tal-kannabis għall-użu rikreattiv ħa spinta, b’diversi ġurisdizzjonijiet fosthom Malta jintroduċu politiki aktar permissivi. Filwaqt li dawk favur jargumentaw li l-kannabis hija alternattiva inqas ta’ ħsara għat-tabakk, xorta waħda jibqa’ l-fatt li t-tipjip jintroduċi riskji għas-saħħa li ma jistgħux jiġu injorati. Il-kombustjoni tal-materjal tal-pjanti tirrilaxxa karċinoġeni u sustanzi oħra velenużi, li għandhom konsegwenzi fuq is-sistema respiratorja fost affarijiet oħra.

F’sitwazzjoni bħal din tqum il-mistoqsija: Kif nistgħu nirrikonċiljaw il-kampanja ferventi kontra t-tabakk mal-aċċettazzjoni dejjem tikber tal-kannabis? Fl-aħħar mill-aħħar qed nibdlu periklu għas-saħħa ma’ periklu ieħor? Li tiskoraġġixxi t-tipjip fuq naħa filwaqt li tapprovah fuq l-oħra, hu kontradittorju għall-aħħar.

Huwa kruċjali li r-riskji potenzjali assoċjati mat-tipjip tal-kannabis ma jkunux injorati. Ir-riċerka turi li l-użu regolari tal-kannabis jista’ jfixkel il-funzjoni tal-pulmun u jista’ jwassal għal bronkite kronika. Barra minn hekk, l-effetti psikoattivi tal-kannabis jistgħu jfixklu l-funzjoni tal-moħħ, u joħolqu riskji mhux biss għal min ipejjep iżda wkoll għas-saħħa pubblika.

Għalhekk wasal iż-żmien li nikkunsidraw mill-ġdid id-direzzjoni li qed nieħdu u nistinkaw favur deċiżjonijiet li jagħtu prijorità lis-saħħa pubblika. Fil-mira tagħna li jkollna soċjetà aktar b’saħħitha, irridu noqogħdu attenti li ma nispiċċawx nitfixklu f’saqajna stess. Jekk mhux se noqogħdu attendi se naslu f’sitwazzjoni fejn verament nibdew nistaqsu qed hux qed nitilfu moħħna!