Ir-regoli għandhom l-għan li jiżguraw il-protezzjoni madwar l-UE ta’ ġurnalisti, organizzazzjonijiet tal-midja, attivisti, akkademiċi, artisti u riċerkaturi kontra proċeduri legali infondati u abbużivi li l-uniku skop tagħhom hu li jsikktuhom (SLAPP).

Il-liġi l-ġdida se tapplika f’każijiet transkonfinali u tipproteġi nies u organizzazzjonijiet attivi f’oqsma bħad-drittijiet fundamentali, l-ambjent, il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u l-investigazzjonijiet ta’ korruzzjoni kontra proċeduri abbużivi tal-qorti maħsuba biex jintimidaw. Il-MPE żguraw li l-każijiet se jitqiesu li huma transkonfinali sakemm iż-żewġ partijiet ma jkunux fl-istess pajjiż bħall-qorti u l-każ ikun rilevanti biss għal stat membru wieħed.

Il-konvenuti se jkunu jistgħu japplikaw għaċ-ċaħda bikrija ta’ talbiet manifestament infondati u f’każijiet bħal dawn l-inizjaturi SLAPP ikollhom jippruvaw li l-każ tagħhom huwa fondat. Il-qrati jkunu mistennija li jittrattaw malajr tali applikazzjonijiet. Biex jiġu evitati kawżi abbużivi, il-qrati jkunu jistgħu jimponu pieni fuq dawk li jagħmlu t-talba, normalment rappreżentati minn gruppi ta’ lobby, korporazzjonijiet jew politiċi. Il-qrati jistgħu jobbligaw lir-rikorrent iħallas l-ispejjeż kollha tal-proċedimenti, inkluża r-rappreżentanza legali tal-konvenut. Fejn il-liġi nazzjonali ma tippermettix li dawn l-ispejjeż jitħallsu kompletament minn min jagħmel it-talba, il-gvernijiet tal-UE se jkollhom jiżguraw li jkunu koperti, sakemm ma jkunux eċċessivi.

Miżuri ta’ appoġġ għall-vittmi

L-MEPs irnexxielhom jinkludu fir-regoli li dawk fil-mira tal-SLAPPs jistgħu jiġu kkumpensati għall-ħsara kkawżata. Żguraw ukoll li l-vittmi ikollhom aċċess għal informazzjoni komprensiva dwar miżuri ta’ appoġġ, inkluż dwar assistenza finanzjarja, għajnuna legali u appoġġ psikoloġiku permezz ta’ mezz xieraq bħal ċentru ta’ informazzjoni. L-Istati Membri se jkollhom ukoll jipprovdu għajnuna legali fi proċedimenti ċivili transkonfinali, jiżguraw li s-sentenzi finali relatati mas-SLAPP jiġu ppubblikati f’format faċilment aċċessibbli u elettroniku u jiġbru data dwar każijiet SLAPP.

Protezzjoni tal-UE kontra kawżi li jsiru f’pajjiżi barra l-UE

Il-pajjiżi tal-UE se jiżguraw li sentenzi ta’ pajjiżi terzi fi proċedimenti infondati jew abbużivi kontra individwi ta’ istituzzjonijiet domiċiljati fit-territorju tagħhom ma jiġux rikonoxxuti. Dawk fil-mira ta’ SLAPP se jkunu jistgħu jitolbu kumpens għal spejjeż u danni relatati fil-qorti domestika tagħhom.

Il-passi li jmiss

Ladarba tiġi approvata formalment mill-plenarja u l-istati membri, il-leġiżlazzjoni tidħol fis-seħħ għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali. L-Istati Membri se jkollhom sentejn biex jittrasponu l-leġiżlazzjoni fil-liġi nazzjonali.