Leġiżlazzjoni ġdida se tirrikjedi li l-kumpaniji jiżvelaw informazzjoni li tagħmilha aktar faċli għall-impjegati biex iqabblu l-pagi u jesponu d-differenzi eżistenti fil-pagi bejn il-ġeneri.

Skont ir-regoli adottati mill-plenarja tal-Parlament b’427 vot favur, 79 kontra u 76 astensjoni, l-istrutturi tal-pagamenti biex jitqabblu l-livelli ta’ paga se jkollhom ikunu bbażati fuq kriterji newtrali għall-ġeneru u jinkludu sistemi ta’ evalwazzjoni u klassifikazzjoni tal-impjiegi newtrali għall-ġeneru. L-avviżi ta’ pożizzjonijiet vakanti u t-titli tax-xogħol se jkollhom ikunu newtrali għall-ġeneru u l-proċessi ta’ reklutaġġ iridu jitmexxew b’mod mhux diskriminatorju.

Jekk ir-rappurtar dwar il-pagi juri differenza fil-pagi bejn il-ġeneri ta’ tal-anqas 5%, min iħaddem ikollhom iwettqu valutazzjoni konġunta tal-pagi b’kooperazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema tagħhom. L-Istati Membri se jkollhom idaħħlu penali effettivi, proporzjonati u ta’ deterrent, bħal multi, għal min iħaddem li jinqabad jikser ir-regoli. Ħaddiema li jkunu ġarrbu ħsara b’riżultat ta’ ksur se jkollhom id-dritt li jitolbu kumpens. Għall-ewwel darba, id-diskriminazzjoni intersezzjonali u d-drittijiet tal-persuni mhux binarji ġew inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli l-ġodda.


Il-projbizzjoni tas-segretezza dwar il-pagi

Ir-regoli jistipulaw li l-ħaddiema u r-rappreżentanti tal-ħaddiema se jkollhom id-dritt li jirċievu informazzjoni ċara u kompluta dwar livelli ta’ pagi individwali u medji, imqassma skont il-ġeneru. Is-segretezza dwar il-pagi se tkun ipprojbita; m’għandu jkun hemm l-ebda terminu kuntrattwali li jżomm lill-ħaddiema milli jiżvelaw il-paga tagħhom, jew milli jiksbu informazzjoni dwar l-istess kategoriji jew kategoriji oħra ta’ paga tal-ħaddiema.


It-trasferiment tal-piż tal-provi

Dwar kwistjonijiet relatati mal-paga, il-piż tal-provi se jiġi ttrasferit mill-ħaddiema għal fuq min iħaddem. F’każijiet meta ħaddiema jħossu li ma ġiex applikat il-prinċipju ta’ paga ugwali u jieħdu l-każ il-Qorti, il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tobbliga lill-min iħaddem li juru li ma kien hemm l-ebda diskriminazzjoni.


Il-passi li jmiss

Il-Kunsill irid japprova formalment il-ftehim qabel it-test jiġi ffirmat f’liġi u ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE. Ir-regoli l-ġodda se jidħlu fis-seħħ għoxrin jum wara li jiġu ppubblikati. Il-prinċipju tal-paga ugwali huwa stabbilit fl-Artikolu 157 tat-TFUE. Madankollu, madwar l-Unjoni Ewropea, id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri tippersisti u hi ta’ madwar 13%, b’varjazzjonijiet sinifikanti minn Stat Membru għal ieħor; naqset biss ftit f’dawn l-aħħar għaxar snin.