Ir-riżenja ta’ Rosianne Cutajar mill-grupp parlamentari tal-Partit Laburista hi l-aħħar episodju li fih il-klassi politika f’Malta kienet fl-aħbarijiet għal raġunijiet ħżiena. It-tluq tagħha – għalkemm tibqa’ bħala deputat indipendenti – isegwi dawk tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat li kien sfurzat iwarrab wara l-protesti kbar tal-2019, l-eks Ministru tal-Enerġija u s-Saħħa Konrad Mizzi li mexxa l-ftehim infami tal-konċessjoni tal-isptarijiet, l-eks chief of staff f’Kastilja Keith Schembri u l-eks Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona.

Fi ftit kliem, wieħed jista’ jgħid li l-ebda wieħed minn dawn l-episodji ma kkontribwixxa biex il-klassi politika Maltija tirbaħ xi prestiġju. Minflok, ilkoll segwew l-istess rotta fejn l-ewwel il-politiċi tagħna ppruvaw jirreżistu allegazzjonijiet u kultant evidenza kontrihom, sakemm ma kellhomx għażla oħra ħlief li jwarrbu, meta rrealizzaw li kienu saru problema għall-partit u l-pajjiż.

Partitarji ġenwini li ħadmu bla waqfien biex jaraw lill-partit tagħhom lura fil-gvern u li qatt ma kkompromettew il-prinċipji tagħhom baqgħu b’togħma morra. Filwaqt li forsi ma jiddikjarawx id-diżappunt tagħhom pubblikament, fil-fond ta’ qalbhom jafu li l-livell ta’ integrità tal-klassi politika preżenti ħa daqqa ’l isfel.

Sfortunatament, jidher li politiċi li ftit li xejn għad hawn politiċi li huma tal-punt u li jiġġieldu għal dak li jemmnu li hu sewwa. Ħafna ilhom jistaqsu fejn huma deputati bħal Franco Debono jew Marlene u Godfrey Farrugia, li sagrifikaw il-karrieri politiċi tagħhom biex jiddefendu dak li emmnu li kien tajjeb. Oħrajn seta kellhom it-tentazzjoni li jieħdu azzjoni wkoll iżda ma kellhomx kuraġġ politiku biex jagħmlu dan. Dan biex ma nsemmux min beda jitkellem biss meta ma kienx elett fil-parlament għax ma kienx fadallu x’jitlef. Kieku dan ma kienx il-każ, kif jista’ xi ħadd jispjega li l-ebda deputat tal-gvern qatt ma ħa qajjem kjass fuq kwistjonijiet bħall-ftehim tal-bejgħ tal-isptarijiet? Biex tgħaxxaq xi wħud saħansitra iddefendew  il-ħażin għax l-inkwiet tagħhom kien li jħarsu l-interessi personali tagħhom biss u xejn aktar.

Li taħtaf, tiffanga u titħanżer kemm tiflaħ akkost li  tinżel fl-aktar livelli baxxi u tinjora l-istandards fil-ħajja pubblika, tidher li qed tattira lil ċerti individwi lejn il-politika.

Madankollu, bħalma l-Kattoliċi fl-Għid il-Kbir jiċċelebraw il-qawmien ta’ Kristu, fil-politika kull ħaġa li titħalla moħbija jew tindifen eventwalment terġa’ titfaċċa u taf tkun il-ħmar il-lejl għal dawk responsabbli.