Il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira fil-Belt Valletta din is-sena qanqlet kontroversja fost baħar ta’ lmenti dwar xi ħwienet li jinsabu tul ir-rotta, li naqqsu mis-solennità ta’ okkażjoni bħal din. Dawn l-ilmenti kienu jvarjaw minn ostakli  minħabba mwejjed u siġġijiet f’postijiet pubbliċi u mużika qawwija li xi drabi fixklet il-funzjonijiet reliġjużi.

Sa ftit snin ilu, kontroversja bħal din ħadd ma kien jimmaġinaha. Dak iż-żmien fil-Ġimgħa l-Kbira kull attività kummerċjali għajr għal xi eċċezzjoni kienet projbita bil-liġi, li kien ifisser li l-ħwienet kienu jibqgħu magħluqa. Madankollu, kemm minħabba li l-liġijiet kummerċjali m’għadhomx daqshekk stretti, u possibbilment in-nuqqas ta’ infurzar, fisser li ma jeżistux aktar restrizzjonijiet bħal dawn. Meta wieħed iqis l-atmosfera fil-Belt Valletta matul il-Ġimgħa Mqaddsa ta’ din is-sena, kien qisu jum ta’ xogħol bħas-soltu (jekk mhux aktar mis-soltu!).

Filwaqt li mhux qed nirrakkomandaw il-waqfien totali tal-attivitajiet tan-negozju jew it-treġġigħ lura għall-jiem ta’ qabel  il-Konċilju Vatikan II, ix-xeni li ta’ is-sena huma ta’ tħassib. Huwa pjuttost ironiku, li llum il-ġurnata meta kulħadd jppriedka fuq l-inklużjoni u l-multi-kulturaliżmu, saret kważi impossibbli li ssir purċissjoni reliġjuża mingħajr ma tħossok ħutha barra mill-ilma. Dilettanti u voluntiera li kien ilhom jistennew dawn il-purċissjonijiet mill-2019 minħabba l-waqfa tal-pandemija tal-Covid-19 bdew petizzjoni li fiha qed jagħmlu pressjoni fuq l-awtoritajiet biex jieħdu azzjoni.

Din il-kontroversja tmur lil hinn mir-reliġjon u t-tradizzjonijiet. Kull sena jintefqu miljuni biex jippromwovu l-wirt kulturali għani li għandha Malta, li fil-każ tal-Belt Valletta, huwa intrinsikament marbut mal-Kavallieri ta’ San Ġwann u t-tradizzjonijiet li jmorru għal dak il-perjodu. X’sens jagħmel li stabbilimenti jipperikolaw tradizzjonijiet bħall-Ġimgħa Mqaddsa, meta huma stess jiddependu fuq l-istess turisti li jiġu Malta biex jaraw l-avvenimenti tal-Ġimgħa Mqaddsa? Dan mhux daqs li kieku qed noqtlu t-tiġieġa li tbid il-bajd tad-deheb?

L-awtoritajiet għandhom jiżguraw li dawn it-tradizzjonijiet jiġu ppreservati u li min irid jieħu sehem jagħmel dan mingħajr xkiel jew li saħansitra jkun redikolat. Is-soluzzjoni m’għandhiex neċessarjament tkun li nippruvaw insolvu l-problema billi nallokaw il-flus. Li hemm bżonn huwa infurzar aħjar fuq il-permessi, il-ħinijiet tal-ftuħ, il-mużika u li tiġi promossa mġiba li turi rispett.

Il-proposta li qed titressaq f’din il-petizzjoni biex ikun hemm regolamenti u linji gwida għandha tiġi esplorata bis-serjetà. Il-gvern għandu jikkollabora mill-qrib mal-awtoritajiet lokali, il-komunità, in-negozji, u l-mexxejja reliġjużi biex tinstab soluzzjoni. L-involviment attiv tal-pulizija u awtoritajiet oħra ta’ infurzar huwa kruċjali biex tiġi żgurata l-konformità tar-regolamenti u l-linji gwida. Fl-aħħar mill-aħħar, din mhix biss kwistjoni li tikkonċerna l-kapitali. Is-sena l-oħra ġrat sitwazzjoni simili fil-Pjazza tal-Bażilika ta’ San Ġorġ f’Għawdex fejn dan l-ispazju pubbliku ttieħed kollu minn imwejjed u siġġijiet, tant li l-Knisja kellha titlob l-intervent tal-awtoritajiet biex setgħet issir purċissjoni. Ir-regħba ma tafx limiti. Huwa għalhekk li trid tittieħed azzjoni qabel ma jkun tard wisq.