Fuq medda ta’ għaxar snin, il-prezz medju ta’ proprjetà f’Malta aktar minn irdoppja minn €150,000 għal €333,000, filwaqt li r-rati tal-kirjiet żdiedu b’71%. Ix-xejra li ħarġet minn studju li sar minn Grant Thornton f’kollaborazzjoni ma’ Dhalia Real Estate Services, kellha l-istess konklużjonijiet ta’ analiżi li saret dan l-aħħar minn UHM Voice of the Workers.

Għalkemm l-ewwel wieħed kien eżerċizzju ferm aktar bir-reqqa li involva analiżi fil-fond ta’ għexieren ta’ eluf ta’ prezzijiet, il-konklużjonijiet kienu qrib ħafna ta’ analiżi li wettqet l-UHM fuq kampjun ta’ prezzijiet tal-proprjetà reklamati f’The Times of Malta fl-2015 u l-2025. Fit-tieni każ, il-prezz medju ta’ appartament żdied minn €142,000 fl-2015 għal €326,000 fl-2025.

Barra minn hekk, ir-rapport tal-UHM li jmur lura għall-1975 indika żieda qawwija f’daqqa fil-prezzijiet mill-2015 ’il quddiem – żieda qawwija li seħħet fl-istess żmien tat-tkabbir mgħaġġel tal-popolazzjoni li kienet reġistrata fl-aħħar għaxar snin. Ir-rapport Grant Thornton/Dhalia ikkonferma li dan ma seħħx b’kumbinazzjoni peress li ddeskriva t-tkabbir tal-popolazzjoni fost l-elementi ewlenin li kellhom impatt fuq id-domanda u l-provvista fis-suq tal-proprjetà, li min-naħa tagħhom jaffettwaw il-prezzijiet u r-rati tal-kera.

Ir-rapport iwissi wkoll li ppjanar urban ħażin biex jilqa’ għat-tkabbir tal-popolazzjoni jista’ jirriżulta f’konġestjoni tat-traffiku, problemi fil-ġbir tal-iskart u ndafa pubblika, storbju, ċittadini Maltin li jibqgħux jifilħu jħallsu l-kirjiet, u bini bla rażan. Saħansitra hemm min qed jgħid li dan kollu diġà beda jseħħ f’ċertu zoni tal-pajjiż.

Ironikament, it-tkabbir ekonomiku ġie kkwotat bħala raġuni possibbli għaż-żieda fil-prezzijiet tal-proprjetà, peress li dħul ogħla tal-familji jissarraf f’aspirazzjonijiet ogħla biex itejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien, u b’hekk tiżdied id-domanda fuq is-suq tal-propjetà. Fattur ieħor kien ir-rati ta’ imgħax relattivament baxxi ta’ Malta li żammew il-ħlas lura tas-self f’livell stabbli, kif ukoll it-turiżmu. Ir-rapport jgħid li ż-żieda fin-numru ta’ turisti wasslet għal domanda għal aktar proprjetajiet għal akkomodazzjoni privata għal żmien qasir, bħal Airbnb, u b’hekk illimita l-istokk tad-djar disponibbli.

Bla dubju, fattur ewlieni li kellu impatt fuq is-suq tal-proprjetà kien iż-żieda f’daqqa fl-ispejjeż tal-kostruzzjoni partikolarment fl-2021 bħala riżultat tal-Covid-19 u sussegwentement l-invażjoni Russa tal-Ukrajna. Dan wassal għal żieda ta’ 33.9% bejn l-2020 u l-2022.

Konklużjonijiet oħra:

  • Bejn l-2018 u l-2024, l-appartamenti baqgħu konsistentement l-aktar tip ta’ proprjetà mibjugħa, b’4,923 kuntratt ta’ bejgħ, segwiti mill-garaxxijiet, bi 3,052
  • Il-bejgħ ta’ plots ta’ art, spazji tal-ajru, boathouses, ġonna kompla jonqos, u żamm ix-xejra ’l isfel osservata fis-snin ta’ qabel
  • Iċ-Ċensiment tal-Popolazzjoni u d-Djar tal-2021, ippubblikat mill-NSO, identifika total ta’ 297,304 dar, li jimmarka żieda nazzjonali ta’ 32.8% mill-aħħar Ċensiment li sar fl-2011.
  • Id-djar kienu storikament aktar prevalenti. Għalkemm id-differenza bejn id-djar  tipi oħra ta’ residenzi naqset maż-żmien, dawn irrappreżentaw 39.6% tal-proprjetajiet kollha qabel l-2001, segwiti minn maisonettes (27.2%) u appartamenti jew penthouses (26.1%). Sal-2021, is-sitwazzjoni nbidlet sal-punt li l-appartamenti u l-penthouses kienu jikkostitwixxu 52.7% tal-istokk totali tal-bini.
  • L-inċentivi tal-gvern jeħtieġ li jiġu mmaniġġjati b’attenzjoni, peress li appoġġ eċċessiv jista’ jkun kontroproduttiv fis-sens li jista’ jgħolli l-prezzijiet b’mod artifiċjali.
  • L-influss ta’ ħaddiema barranin irriżulta f’żieda fil-prezzijiet tal-kera peress li żied b’mod sinifikanti d-domanda u poġġa lill-Maltin fi żvantaġġ jekk iridu jikru f’zoni bħal Tas-Sliema, il-Belt Valletta u Bormla.
  • L-aktar lokalitajiet għoljin f’termini ta’ prezzijiet tal-proprjetà għal kull metru kwadru huma l-Belt Valletta, il-Furjana, Tas-Sliema u San Ġiljan filwaqt li ż-Żurrieq, l-Imqabba u Ħal Kirkop u Għawdex huma l-irħas.
  • L-aktar lokalitajiet b’kirjiet għoljin għal kull metru kwadru huma Tas-Sliema, San Ġiljan, is-Swieqi, Tal-Ibraġġ u  Baħar iċ-Ċagħaq filwaqt li Birżebbuġa, Marsaskala, Marsaxlokk u Għawdex huma l-orħos.