Xejn mhu aktar importanti għall-ħajja min-nifs li nieħdu. F’ħajjitna, madwar 250 miljun litru ta’ arja jgħaddu fil-pulmun tiegħek. Iżda jekk tmur imxi tul triq traffikuża kun af li inti tassorbi madwar 20 miljun partiċella ta’ tniġġis f’nifs wieħed.

L-arja tossika issa saret l-akbar riskju ambjentali ta’ mewta bikrija, responsabbli għal waħda minn kull disa’ fatalitajiet. L-arja mniġġsa toqtol seba’ miljun persuna kull sena, ferm aktar mill-HIV, it-tuberkolożi u l-malarja flimkien. L-arja tossika saret emerġenza dinjija tas-saħħa pubblika.

It-tniġġis fl-arja qed jeħżien fid-dinja żviluppata u, filwaqt li s-sitwazzjoni f’xi pajjiżi qed titjieb, l-għarfien dwar kemm jagħmel ħsara lil ġisimna u lil moħħna qed jiżdied ħafna.

L-arja maħmuġa ilha magħna għal diversi sekli. Qabel konna ngħixu biha u ħadd qatt ma kellu l-arja mniġġsa bħala l-kawża tal-mewt fuq iċ-ċertifikat tal-mewt. Hu biss f’dawn l-aħħar snin li l-ħsara lis-saħħa saret ċara, u riċentament ingħatat prominenza kbira, grazzi fost oħrajn għar-rivelazzjonijiet mir-riċerka.

L-azzjoni biex jitnaqqas it-tniġġis fl-arja mhux biss iġġib benefiċċji immedjati imma wkoll tgħin biex tkun miġġielda l-bidla tal-klima għal żmien fit-tul.

It-tniġġis fl-arja jolqot kważi lil kulħadd. Aktar minn 90 fil-mija tal-popolazzjoni tad-dinja jgħixu f’postijiet fejn it-tniġġis fl-arja hu ‘l fuq mil-linji gwida tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO). Skont il-WHO, it-tniġġis tal-arja fuq barra jikkawża 4.2 miljun mewta bikrija.

Xi ħsara jagħmel it-tniġġis tal-arja? Ir-riċerka issa qed tgħaqqad l-arja tossika mhux biss makważi kull parti tal-ġisem, imma wkoll taffettwa lill-moħħ. Id-danni tal-arja tossika huma skoperta riċenti sorprendenti. Arja maħmuġa ġiet assoċjata ma’ diversi kundizzjonijiet oħrajn, bħad-dijabete.

Skont studju partikulari, l-arja mniġġsa wasslet għal 3.2 miljun każ ġdid ta’ din il-marda fl-2016. Mard fil-kliewi jidher li ġie influwenzat mit-tniġġis tal-arja u anki l-Alzheimer’s disease. Il-ġilda wkoll hi affettwata, tant li tixjieh malajr bl-arja maħmuġa. Hekk kif it-tfal jikbru, l-ażma u t-tkabbir mgħaġġel tal-pulmun huma kwistjonijiet serji marbutin mat-tniġġis tal-arja. Anki l-abbilta’ li t-tfal jitgħallmu fl-iskola u r-riskju tat-delinkwenza fost l-adoloxxenti, huma affettwati mill-arja ħażina. Il-WHO hija ċara: il-piż tal-mard mit-tniġġis tal-arja mistenni jikber immens.

Hemm inġustizzji kbar fiċ-ċentru tal-problema tat-tniġġis tal-arja. Billi juża l-arja biex jiddisponi mill-iskart tiegħu, min iniġġes qed jeqred ir-riżorsa li hi ta’ kulħadd u jevita l-ispiża sħiħa tal-azzjoni tiegħu.

Il-kwistjoni mhux li nwettqu dak li jrid isir biex intemmu l-emerġenza tat-tniġġis fl-arja, imma hi n-nuqqas ta’ rieda politika. Hemm diversi ideat u soluzzjonijiet. L-importanti hu li jkun hemm tmexxija serja biex ir-riżultati jinkisbu