Inbeda l-proċess biex jinħatar kummissarju ġdid tal-Pulizija – kariga importanti ħafna għaż-żamma tal-ordni u s-saltna tad-dritt. Iżda l-kriterji fl-għażla ta’ din il-kariga serja u prestiġjuża – kif tħabbret fis-sejħa pubblika fil-jiem li għaddew – huma differenti fl-istess ħin sorprendenti. 

Kien żmien, fil-passat, li biex persuna tinħatar kummissarju tal-pulizija riedet tkun veteran fil-korp jew inkella tkun serviet u qdiet dmirijietha b’rettezza kbira.  

X’inhuma l-kriterji, skont ir-riforma l-ġdida, biex wieħed  japplika għall-Kummissarju tal-Pulizija? Skont din is-sejħa ġdida, l-applikant m’għandux għalfejn jippreżenta ċertifikati edukattivi u akkademiċi għax kulma qed jiġi nitlub hu li jkun “kapaċi jikkomunika tajjeb bil-Malti u bl-Ingliż”. Qabel,  sabiex wieħed japplika għal Spettur, l-applikant ried ikollu lawrija mill-Università u min ried japplika għal kuntistabbli (li hu l-inqas rank fil-Korp) ried ikollċ-ċertifikati tal-O’Levels 

Barra minn hekk, wieħed mill-kriterji li kien  jiġi mitlub huwa ċ-ċertifikat tal-kondotta. Dan huwa dokument fejn wieħed juri li ma kellu  ebda fedina penali. X’qed nagħmlu issa? Bir-riforma l-ġdida, tneħħa dan il-kriterju. Ma jimpurtax jekk l-applikant wettaqx xi reat. Basta juri li huwa “responsabbli, kunfidenti, assertiv u emozzjonalment intelliġenti” filwaqt li jkollu l-ħiliet ta’ tmexxija biex jimmotiva l-Korp kollu. Is-sejħa tal-applikazzjonijiet tkompli biex tgħid li l-applikant irid juri evidenza li jkun kapaċi jmexxi b’suċċess bidla sħiħa li trid issir fil-forza tal-ordni. 

Dan il-portal ġie fil-pussess ta’ ċirkolari maħruġa mid-Diviżjoni dwar in-Nies u l-Istandards fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Din iċ-ċirkolari, iffirmata mis-Segretarju Permanenti Ewlieni, qed tħajjar lil uffiċjali jew impjegati pubbliċi li jqisu li huma addattati għal din is-sejħa, biex japplikaw.  

Kwalunkwe uffiċjal minn kull dipartiment tal-Gvern jista’ japplika. Anki persuni li ma jaħdmux fis-servizz pubbliku jistgħu japplikaw. M’hemmx bżonn esperjenza fil-Korp tal-Pulizija. Il-kandidat basta jkollu “il-ħiliet effettivi biex inaqqas il-kriminalità f’sitwazzjonijiet li joffru sfidi”. 

Kif se jaħdem il-proċess? Li nafu hu li l-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku se tkun qed timmonitorja din is-sejħa li fl-aħħar mill-aħħar se tkun qed tnaqqas il-lista ta’ kandidati għall-aktar tnejn addattati. Il-membri parlamentari mbagħad se jkunu qed jivvotaw biex jintgħażel l-aħjar kandidat bid-deċiżjoni finali tkun tal-Prim Ministru.  

Min jaf min se jkun dan ‘il-bażużlu’ li jista’ jkollu inqas kwalifiki minn kwalunkwe membru fil-Korp li daħal għal din il-karriera, b’vokazzjoni, b’entużjażmu u bi grinta liema bħalha?  

Voice of the Workers jisħaq li f’soċjetà demokratika huwa essenzjali li jkollna Korp tal-Pulizija mmexxi minn persuna professjonali u imparzjali li tilqa’ u tħares is-saltna tad-dritt.