Madwar il-kontinent, inkluż f’Malta, il-ħarsien ta’ gruppi ta’ nies li  huma f’riskju, bħall-anzjani, nies li  jbatu minn xi kundizzjoni medika u persuni b’diżabbiltà, qed jingħataw l-ogħla prijorità. Imma sabiex jinkiseb  dan, qed naraw l-għeluq ta’ ċertu setturi ekonomiċi u l-pubbliku qed ikun  imħeġġeġ  jibqa’ f’daru. Li jfisser li kull jum, f’pajjiżna, qed jintilfu miljuni ta’ ewro. 

Dan ir-rimedju kontra l-Coronavirus jista’, fil-fatt, jagħmel iżjed ħsara mill-pandemija nnifisha. Il-waqfien tal-attività ekonomika, l-għeluq tal-fruntieri, l-imponiment tal-lockdowns f’ċertu pajjiżi u l-isforzi biex jittieħdu miżuri radikali ta’ sigurtà x’aktarx li jwasslu għal reċessjoni kbira madwar l-Ewropa. 

Ħadd ma jaf meta din il-kriżi se tintemm. Dan il-virus jista’ jibqa’ jaffettwana għal diversi ġimgħat jew anki xhur. Għandi d-dubji tiegħi kemm kull pajjiż fl-Ewropa, għani kemm hu għani ekonomikament, jista’ jikkumpensa  għad-dħul li ċ-ċittadini qed jitilfu, u wkoll jipprevjeni eluf ta’ kumpaniji milli jfallu – tal-inqas mhux għal żmien fit-tul. Il-Gvern Malti alloka għajnuna finanzjarja biex jassisti lill-ħaddiema u l-familji tagħhom kif ukoll lin-negozji. Madankollu dan il-pakkett finanzjarju mhux qed jilħaq lil kulħadd, anzi ħalla setturi sħaħ u għexieren ta’ eluf ta’ ħaddiema fuq il-preċipizju  tar-rovina. 

Barra minn hekk, jekk aħna serji biex nimminimizzaw il-piż fuq is-sistema tas-saħħa nazzjonali tagħna, irridu nnaqqsu r-rata tal-infezzjoni tul il-perijodu ta’ diversi xhur. It-tbegħid soċjali se jgħin biex innaqqsu t-tixrid tal-virus, imma mhux se jwaqqfu zoptu. L-esperti tas-saħħa lokali s’issa għadhom jgħidu li għadna ma lħaqniex il-qofol ta’ dan il-virus.  Irridu naċċettaw il-fatt li aktar nies se jkunu infettati bih u jista’ jkollna iżjed każi ta’ imwiet.  

Intant il-poplu qed ikompli jiġi mħeġġeġ biex jibqa’ jaġixxi b’mod sensibbli, isegwi l-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa u kemm jista’ jkun possibbli jibqa’ f’daru. Inkella se jiddispjaċina. Mhux billi kulħadd jisma’ lill-Prof.Charmaine Gauci kuljum wara nofs in-nhar biex tagħtina t-tagħrif ħalli jkollna fuqiex intsektsku! 

Il-pubbliku qed jisma’ dawn il-pariri l-ħin kollu imma qatt mhu biżżejjed biex jiġi mfakkar. Sakemm jinħoloq il-vaċċin jew xi rimedju mediku ieħor, dan huwa l-mod kif nilqgħu l-virus. Dawn huma l-għodda li għandna bħalissa. Għaldaqstant għandna nużawhom.