Is-soċjeta’ Maltija qed tħabbat wiċċha ma’ diversi problemi maħluqin mill-progress ekonomiku li qed iwassal għal bini bla rażan kull fejn tara, ir-realta’ ta’ aktar ħaddiema barranin jgħixu f’pajjiżna u l-pressjoni dejjem tiżdied fuq ir-riżorsi naturali tagħna. 

Dawn il-fatturi qed jagħmlu impatt qawwi fuq l-ambjent ta’ madwarna. Naħseb li ma nkunx skorrett jekk nistqarr li l-qagħda traskurata ta’ pajjiżna, fost oħrajn, imtappna bir-rimi bl-addoċċ tal-iskart u l-ħmieġ fit-toroq, kwalità tal-arja mniġġsa bid-dħaħen tat-traffiku u t-tniġġiż mill-istorbju, qed iżżid mal-isfreġju ambjentali. 

Ara taħsbu li fis-snin preċedenti dan il-fenomenu ma kienx seħħ! Anzi Gvern wara ieħor dejjem kellu għadma iebsa biex jindirizza l-ambjent bis-serjeta’. Madankollu llum, aktar minn qatt qabel, il-kwistjonijiet u l-problemi assoċjati mal-ambjent qed jakkumulaw. 

Niftakru li l-ambjent jikkonsisti f’dak kollu li jinsab madwarna. Ilkoll nesperjenzaw dan permezz tal-arja li nieħdu n-nifs minnha, l-ilma li nixorbu, l-ispazju tal-art li aħna ngħixu fih, l-istorbju li qed itarraxna, il-qagħda tal-baħar li jdawwarna kif ukoll l-ispeċi, in-natura u l-bijodiversita’ li jikkoeżistu magħna. 

L-iżvilupp ekonomiku sostenibbli qed jibki għal bilanċ adekwat bejn ir-riżorsi ekonomiċi u l-ambjent. Ma ninsewx li t-tkabbir ekonomiku waħdu, mingħajr is-sostenibbilta’ ambjentali u  l-progress soċjali, ma jissejjaħx progress.  

Sabiex ikun hemm progress li tmissu b’idejk, ir-riżultat ekonomiku jrid jgħin lill-bnedmin fis-soċjeta’ biex itejbu l-kwalita’ ta’ ħajjithom mingħajr ma jnaqqas minn dawk l-affarijiet li n-nies tant jgħożżu. 

Intant studji regolari, dwar x’qed iħasseb liċ-ċittadini Maltin, juru b’mod ċar ir-rabja, il-frustrazzjoni u l-inkwiet tal-pubbliku dwar l-ambjent. Mhux ta’ b’xejn li l-esitu tal-aħħar studju li sar mill-gazzetta Maltatoday wera biċ-ċar li n-nies qed ikunu wisq  preokkupati bit-telqa ambjentali li, kulma jmur, sejra għall-agħar.