“Jien irrid ġustizzja għal uliedi……”. Hekk saħqet Jennifer Borg*, ta’ 40 sena, omm separata ta’ tliet ulied u nanna ta’ tliet neputijiet, li għexet it-tbatija miċ-ċkunija u sal-lum għadha ġġarrab it-tbatija kawża tas-separazzjoni minn mal-eks żewġha.  

Jennifer saret omm ta’ 17-il sena. Iżżewġet ta’ 18-il sena u kellha tliet ulied: żewġt ibniet, li llum għandhom 22 sena u 20 sena rispettivament, kif ukoll tifel ta’ 12-il sena.  Waħda mit-tfajliet qed tgħix mal-partner tagħha, l-oħra ma’ ommha u t-tifel ma’ missieru.  

Hi wkoll nanna ta’ tliet neputijiet. Ilha ħames snin tielgħa u nieżla l-Qorti. “Jgħidu li min jagħmel id-domestic violence joħroġ ‘il barra mid-dar u spiċċajt jien li ħriġt ‘il barra mid-dar, jiena l-vittma”, qalet Jennifer. 

Ilha tgħix waħidha f’garaxx żgħir f’Marsaskala  sa minn Jannar 2018. Qabel kienet tgħix f’post ieħor f’lokalita’ oħra. Iżda kienet binja antika u talbet  lil sid il-post biex isiru xogħolijiet  ta’ manutenzjoni  peress li  l-ħitan kienu qed ifarfru mill-umdita’ u kienu  qed jaffettwaw saħħet binha ta’ 12-il sena. Iżda sid il-post, ordnat lil Jennifer biex tevakwa l-post għax  inkwilini barranin kienu lesti biex jikru l-post minflokha. Hi ma setgħetx tikri post ieħor fuq kirja ta’ €700 fix-xahar  għax kellha l-ispejjeż tal-qrati xi tħallas. Jennifer fissret  ma’ Voice of the Workers  li hi bilkemm tiekol. “Jekk tiftaħ il-cupboardnoodles se ssibli”, qalet Jennifer. 

Iddeċidiet li tikri garaxx għal €300 fix-xahar għax ma sabitx b’inqas. “Suppost għandi t-tifla miegħi imma bħalissa hi qiegħda għand ommi”, fissret Jennifer. 

Mistoqsija jekk għandhiex xi forma ta’ għajnuna, Jennifer qalet li l-Awtorita’ tad-Djar ilha ħames snin taf bil-każ tagħha u kull darba jgħidulha biex tistenna sakemm tingħata post għall-akkomodazzjoni. Kien hemm mument fejn l-Awtorita’ waqqgħet l-applikazzjoni tagħha iżda  b’xorti tajba sabet persuna tar-ruħ fl-Awtorita’ li reġgħet fetħitilha l-file sabiex ma terġax taqa’ lura. Il-problema tagħha hi li d-dar matrimonjali tagħha hi tal-Housing u l-kuntratt jgħajjat kemm lilha kif ukoll lill-eks raġel tagħha. Imma peress li għadu ma nqasam xejn, hi marbuta minn kullimkien. Hi qalet  li jekk se ċċedi l-post lill-eks raġel, għall-Gvern qed tidher li hi kellha post u rrifjutatu. Sentenza tal-Qorti biss tista’ issolvi din il-kwistjoni.  

Intant  Jennifer laħqet ġabet l-annullament taż-żwieġ. Iżda għandha ħafna intoppi fejn għandhom x’jaqsmu l-kura u l-kustodja tat-tifel. Skont Jennifer, uliedha jibżgħu mill-eks żewġha.  

L-eks raġel tagħha qatt ma ħadem u ilu jirreġistra għax-xogħol għal dawn l-aħħar 30 sena. Xi kultant kien jaħdem minn taħt u malli kien jaqbad €2,500 kien jiddeċiedi li ma jaħdimx għal sena  jew sentejn. Iżda malli twieled it-tifel, l-affarijiet donnhom bdew jistabbilizzaw ruħhom. Imma x-xitan m’għandux ħalib u sussegwentament  inqalgħu affarijiet oħrajn. 

Jennifer, min-naħa  l-oħra taħdem bħala xufiera ma’ kumpanija tat-trasport. 

Faħħret lill-management  tal-kumpanija. 

Il-mara żiedet li minbarra dan l-għawġ kollu, hi tbati bil-fibromyalgia, kundizzjoni li tikkawża uġigħ mal-ġisem kollu. Hi qalet li t-tobba indunaw b’din il-kundizzjoni wara 18-il sena. 

Jennifer tkellmet dwar it-tfal u qalet li hi, f’ħames snin, jekk ratu sena, lit-tifel, ratu ħafna….lanqas taf x’sar minnu. L-eks żewġha pprova jċaħħadha milli tkun taf fuq saħħet it-tifel, fuq l-edukazzjoni tiegħu u biex isirlu passaport.  

Voice of the Workers staqsa x’kuntatt għandha ma’ uliedha llum.  

Jennifer fissret li t-tbatija tagħha bdiet mill-eta’ żgħira ta’ tmien snin.  

Hi kellha 35 sena meta rrappurtat l-abbużi sesswali li ġarrbet minn idejn ziju tar-rispett meta hi kienet żgħira. Fuq is-sodda tal-mewt, zijuha allegatament  talab għaliha u  qalilha li “qabel ma neqirdek ma noqgħodx bi kwieti”. 

Illum hi tapprezza li ma kienx tort  tagħha. 

Hi żiedet li meta t-tifla l-kbira bdiet toħroġ biex tiddeverti, kienu jaqbduha attakki ta’ paniku, taqta’ nifisha u kulma kien ikollha f’idejha kienet twaqqgħu. Kull darba li bintha kienet tittardja, is-serata kienet tintemm b’xi xebgħa tajba mill-eks żewġha. Imma meta spiċċaw biex marru l-Qorti, kawża tal-biża’ minn missierha, it-tifla allegatament xehdet li kull ġenitur jikkoreġi lil uliedu!. Dak iż-żmien Jennifer kienet muġugħa minħabba l-fibromyalgia, tant li ma setgħetx timxi.  Kienu jgħidulha li l-uġigħ kien ġej minħabba d-depressjoni imma ma kienx il-każ. 

Hi kompliet li mill-familja tal-eks raġel tagħha hi qatt ma sabet  għajnuna. Dan ma jfissirx li l-familja tagħha hi skaġunata mill-ħażen u l-kattiverja, imma hi temmen li kieku hi ma sabitx għajnuna minn xi membri tal-familja tagħha, kieku uliedha ma kibrux. Li kieku ma kinitx il-ħila tagħha,  kieku uliedha ma attendewx skejjel tal-Knisja. “Dejjem bil-ġlied imma kienu jmorru”, qalet Jennifer. 

Sfortunatament l-eks żewġha ma kienx jagħti kas tal-edukazzjoni ta’ uliedu.  

Jennifer qalet li hi għamlet  kollox għall-familja u rnexxielha żżommha magħquda għal 16-il sena. Dan minkejja li l-problemi bdew wara l-ewwel ħames xhur taż-żwieġ, tant li darba minnhom spiċċat taffaċċja kanna ta’ senter.  U mhux l-ewwel darba li l-eks żewġha fittex nisa oħrajn. 

Voice of the Workers staqsa lil Jennifer kif qed tħossha llum wara dawk is-snin kollha ta’ abbuż, vjolenza u negliġenza. 

Jennifer ixxejjen ir-rapporti dwar is-sitwazzjoni tal-faqar li jiġu pubblikati jew li jixxandru fuq il-mezzi tax-xandir. Hi tisħaq li min jgħix il-faqar ikun jaf xi tfisser għax il-vjolenza domestika hi parti mill-faqar. 

Madankollu, Jennifer tisħaq li  kieku ma kinitx Dar Merħba Bik, kieku ma tinsabx fejn qiegħda llum. It-tmexxija ta’ Dar Merħba Bik emmnet fiha, emmnet fil-potenzjal tagħha li taħdem sabiex tkun indipendenti bid-dħul  finanzjarju  tagħha. Hi ħadmet u stinkat biex sabet xogħol u biex ġabet liċenzja tas-sewqan. Għalkemm missierha kien jgħajjarha li ma kienet kapaċi tagħmel xejn, hi għamlet  ħafna. Jennifer tirringrazzja lil Dar Merħba Bik għax l-isfaff ta’ din id-dar għenha mmens, tant li saħansitra offrielha s-servizz ta’ psikologu mingħajr ħlas.   

Mhux l-istess jingħad għall-awtoritajiet tal-Gvern għax s’issa ma sabet l-ebda għajnuna. Jennifer għandha kliem iebes għall-Qorti għax ma ngħatatx aċċess li tmur l-iskola ta’ binha biex, tal-inqas, tieħu sodisfazzjon dwar kif inhu sejjer fit-tagħlim. 

Kollox ma’  kollox, Jennifer qed titlob li ssir ġustizzja u li ma jibqax jiġi allegat li hi mentalment  instabbli. Għalkemm imċaħħda mill-imħabba u mill-għożża tal-ulied u tan-neputijiet, Jennifer tinsab  kuntenta li dawn tal-aħħar qed jiġu mrobbija mill-ġenituri tagħhom. 

Barra minn hekk, minkejja t-tbatija li ġarrbet taħt idejn l-eks żewġha, minkejja li ċaħadha minn uliedha u minkejja li ma tħoss ebda emozzjoni lejh, Jennifer xorta waħda tixtieq li hu wkoll jingħata l-għajnuna għax anki hu bata u qala’ fuq wiċċu meta kien żgħir.  

*L-isem veru f’dan l-artiklu qed jinbidel sabiex tkun protetta l-identita’ tal-persuna  u tal-qraba tagħha.