Jekk kellna nanalizzaw l-azzjonijiet tal-Gvern fl-ewwel u t-tieni mewġiet tal-pandemija, naslu għall-konklużjoni li d-deċiżjonijiet li ttieħdu fuq it-tnejn kienu differenti minn  xulxin.  

Infakkru li d-deċiżjonijiet li tħabbru mill-Gvern f’dawn l-aħħar xhur kienu deskritti b’rispett lejn il-pariri mediċi provduti mill-awtoritajiet tas-Saħħa. Il-popolazzjoni ta’ dawn il-gżejjer obdiet il-pariri li ngħataw mill-ispeċjalisti tas-saħħa pubblika b’riżultat li kien hemm dixxiplina mill-maġġoranza tan-nies. 

Il-Gvern ukoll kien imfaħħar, partikularment mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), talli żammet in-numri tal-każijiet baxxi. Sussegwentament, meta daqqejna l-Glorja malajr, il-każijiet attivi reġgħu bdew jogħlew. L-għaġla biex intellgħu l-ekonomija fuq saqajha stunat mat-twissijiet tal-WHO lill-pajjiżi biex ma jerħux mill-kontrolli tagħhom. 

X’ġara? Pajjiżna wieġeb għat-talbiet ta’ min iħaddem, tan-negozjanti u tal-lukandiera u naqas milli jisma’ mill-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa. Konsegwentamentassistejna għal konfużjoni fil-mod kif ġew ikkomunikati l-affarijiet u d-dixxiplina malajr waqgħet. Il-każijiet akkumulaw. 

Qalulna u għadhom jgħidulna biex ingawdu s-sajf. Diversi persuni malajr neħħew il-maskri tagħhom u rħewlha jieklu fir-ristoranti, jiddevertu fil-festi u fil-postijiet tad-divertiment. Dan wassal għal splużjoni ta’ każijiet  ta’ Covid-19 u l-Gvern issa rreaġixxa billi ħabbar miżuri ġodda.  

Dan mhux il-mod kif nindirizzaw it-tieni mewġa. Qed inkunu wisq reattivi għas-sitwazzjoni milli attivi. Mhux qed nikkontrollaw is-sitwazzjoni bis-serjetàM’aħniex nieħdu ħsieb is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema u ta’ persuni vulnerabbli. X’prekawzjonijiet konkreti qed jittieħdu biex dawn in-nies jibqgħu jkunu mħarsa?  

Barra  minn hekk id-distanza soċjali trid tibqa’ tinżamm u min ma jobdix għandu jiġi kkastigat. X’qed jiġri, per eżempju, fil-bajjiet? Kemm  qed tinżamm id-distanza soċjali fejn il-baħar?  

L-infurzar irid ikun b’saħħtu, serju u konsistenti filwaqt li m’għandu jkun hemm ebda eċċezzjoni għal min jikser ir-regolamenti. Ejja nkunu maturi u nużaw is-sens komun.  

Sadattant Voice of the Workers jibqa’ jtanbar lill-Gvern biex jagħmel iżjed ħalli  jikkontrolla l-virus qabel ma dan iħalli effetti fatali fuq il-vulnerabbli u l-ekonomija tal-pajjiż.