Qafas Strateġiku ġdid tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol – Semma’ leħnek
Bħala parti mill-impenn tagħha li twassal ‘Unjoni tas-Saħħa Ewropea’, fl-2021, il-Kummissjoni Ewropea se tniedi Qafas Strateġiku ġdid tal-UE għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol għall-perjodu 2021-2027.
Il-Qafas għall-2014-2020 kien immirat biex jiżgura li l-Istati Membri tal-UE jkomplu jkollhom rwol ewlieni fl-indirizzar ta’ tliet sfidi maġġuri tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Dan billi jtejbu l-kapaċità tal-intrapriżi mikro u żgħar biex ikollhom strateġiji li jistabbilixxu prevenzjoni effettiva, titjib fil-prevenzjoni ta’ mard relatat max-xogħol, u kif ukoll li l-età medja tal-ħaddiema qed togħla.
Fid-dawl tal-Qafas Strateġiku l-ġdid, il-Kummissjoni qed titlob fehmiet dwar it-titjib tal-istandards għoljin ta’ saħħa u sigurtà għall-ħaddiema tal-UE, anki fl-isfond tal-pandemija COVID-19 li enfasizzat l-importanza kruċjali tas-saħħa.
Għandek ċans sal-1 ta’ Marzu, 2021, biex tagħti r-reazzjonijiet tiegħek dwar il-Qafas Strateġiku futur tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (2021-2027). B’hekk il-Kummissjoni tidentifika għanijiet ewlenin u tistabbilixxi qafas strateġiku biex tħeġġeġ lill-pajjiżi tal-UE u lill-partijiet interessati jaħdmu flimkien fuq prijoritajiet komuni.
Kun af aktar dwar il-konsultazzjoni pubblika u rrispondi għall-kwestjonarju.