Informazzjoni mhux aġġornata fir-rekords tal-awtoritajiet tas-saħħa u persuni li  jitfaċċawx għall-appuntament qed iwasslu biex numru sinifikanti ta’ vaċċini tal-Covid-19 jinħlew. Sorsi li tkellmu ma’ Voice of the Workers Weekly qalu li dan qed jiġri ta’ spiss f’diversi ċentri madwar il-gżira fejn qed jingħata l-vaċċin.

“Sfortunatament, ladarba l-vaċċin tal-Covid-19 ikun ġie ppreparat irid jiġi amministrat fi ftit sigħat jew inkella jkollu jintrema,” s-sorsi qalu.

“Waħda mill-kwistjonijiet li qed tfixkel il-proċess tat-tilqim hi l-fatt li qed jingħataw appuntamenti lil persuni mejta minħabba informazzjoni antika u fid-database tal-awtoritajiet tas-saħħa. Barra minn hekk, kien hemm ukoll każijiet fejn dawk li ngħataw appuntament ma jmorrux” żied jgħid is-sors.

Iffaċċjati minn sitwazzjoni bħal din il-front-liners qed jippruvaw itaffu s-sitwazzjoni billi jinkoraġġixxu lil dawk li jakkumpanjaw lill-anzjani jew xi drabi l-kuntatti tagħhom biex jieħdu l-vaċċin. Madankollu, xi tilqimiet xorta qed jinħlew.

Sorsi fis-settur tas-saħħa ħarġu bl-idea ta’ reġistru għal individwi li lesti li jiġu kkuntattjati fi żmien qasir biex jieħdu l-vaċċin, f’każ li jkun hemm riskju li jinħlew. Sakemm inkiteb dan l-artiklu mistoqsijiet li ntbagħtu minn Voice of the Workers Weekly lill-Ministeru tas-Saħħa ma kienux imwieġba.  Il-ministeru ma weġibx lanqas fuq xi sforzi qed isiru biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fir-rekords dwar il-pazjenti.

Il-kwistjoni tqajmet waqt il-konferenza tal-aħbarijiet ta’ kull ġimgħa li tkun indirizzata mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci. Hi qalet li hemm “lista ta’ riżerva” ta’ nies li jistgħu jiġu avviċinati f’każ li jkun hemm tilqimiet mhux utilizzati li jkunu se jinħlew. Madankollu, front-liners li ppreferew jibqgħu anonimi esprimew is-sorpriża tagħhom għal dan għax qalu li ma kienux jafu b’din il-lista. Barra minn hekk, ma ngħataw l-ebda dettalji dwar il-kriterji ta’ kif qed jintgħażlu n-nies fuq din il-lista. F’dan ir-rigward, ħafna qablu mal-proposta li jkun hemm reġistru apposta għax dan ikun mod aktar trasparenti kif jitmexxew l-affarijiet.